F’Diċembru li għadda, għall-ewwel darba mill-bidu tal-pandemija, il-bejgħ mill-ħwienet f’pajjiżna kien ogħla minn dak fl-istess xahar ta’ sena qabel.
Dan skont statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
F’Diċembru li għadda il-bejgħ f’pajjiżna kien 3.3% aktar minn Diċembru tal-2019.
Mill-istess statistika tal-Eurostat jirriżulta li fil-bqija taż-Żona Ewro, iż-żieda fil-bejgħ kienet ta’ 0.6% biss.
Dan ifisser li l-irkupru fil-bejgħ osservat f’pajjiżna kien kważi sitt darbiet aktar ta’ dak li kien hemm f’pajjiżi oħra taż-Żona Ewro.
F’Diċembru kien hemm għaxar pajjiżi fiż-Żona Ewro fejn il-bejgħ kien għadu ferm aktar baxx mill-2019.
L-agħar riżultat kien fis-Slovenja fejn il-ħwienet biegħu 13% anqas milli kienu biegħu f’Diċembru 2019.
Fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dawn l-aħħar riżultati li se jwasslu għall-prosperità ġdida f’Malta.
@EU_Eurostat shows that for the first time since #February, in #December retail sales were higher than in 2019. #Malta’s results were six times better than the Euro Area. Towards a new prosperity. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) February 4, 2021
Fi stqarrija l-Gvern qal li l-andament tal-bejgħ f’pajjiżna kien ilu li qaleb il-folja.
Fil-fatt eżatt mat-tħabbir tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika f’Ġunju, beda l-irkupru fil-bejgħ b’żieda xahar fuq ix-xahar ta’ qabel iżda peress li f’Marzu u f’April kien hemm tnaqqis qawwi ta’ kważi kwart tal-bejgħ kollu, bħala medja, is-settur tal-bejgħ dam sa Diċembru ma reġa’ għal-livell ta’ bejgħ li kien hemm fl-2019.
Il-bejgħ ta’ ikel u xorb għadu anqas milli kien fl-2019.
L-istess fejn jidħol bejgħ ta’ fjuwil.
Dan jirrifletti l-fatt li f’pajjiżna m’hawnx l-istess ammont ta’ turisti li kien ikun hawn fi snin passati.
B’kuntrast, il-bejgħ ta’ oġġetti oħra jidher li rranka sewwa u qed jagħmel tajjeb għal dan l-impatt.
Il-Gvern spjega li minkejja ż-żieda fil-bejgħ jidher li l-familji Maltin u Għawdxin xorta komplew iżidu d-depożiti tagħhom mal-banek lokali.
Sal-aħħar tas-sena, id-depożiti tal-familji laħqu rekord ta’ €14.3 biljun.
Dan huwa aktar minn biljun ewro mill-ammont ta’ depożiti li kien hemm meta bdiet il-pandemija.
Ta’ min ifakkar li fl-2009, fl-istess perjodu, meta pajjiżna kien għaddej minn sfidi ferm anqas qawwija, id-depożiti kienu naqqsu b’€100 miljun.
Il-Gvern qal li dan huwa konferma ta’ kemm l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern qed tagħmel id-differenza u tispjega għalfejn il-livell ta’ ottimiżmu fost il-familji Maltin u Għawdxin huwa fost l-ogħla fl-Ewropa skont l-istħarriġ regolari li tagħmel ta’ kull xahar il-Kummissjoni Ewropea.