F’Diċembru, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien f’livell kemxejn ogħla mill-medja storika stmata mis-sena 2000 ’l hawn. Barra minn dan, f’Novembru l-produzzjoni industrijali u l-volum tal-bejgħ bl-imnut żdiedu f’termini annwali.
Dan irrimarkah il-Bank Ċentrali ta’ Malta fuq il-bażi tal-indiċi tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju, li ġie ppubblikat illum fl-aġġornament ekonomiku ta’ Jannar tal-istess Bank.
Il-Bank Ċentrali semma wkoll l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja, li juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta tela’ ftit f’Diċembru meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Osserva wkoll li, f’Diċembru, l-Indikatur ta’ Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas. Dan jindika livell iżjed baxx ta’ inċertezza.
Il-Bank Ċentrali rrapporta li, f’Novembru 2022, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma’ sena qabel, hekk kif id-dħul tal-Gvern żdied b’ritmu iktar mgħaġġel mill-infiq.