L-Arċisqof ta’ Pariġi, Laurent Ulrich, ħabbar li l-Katidral ta’ Notre Dame se jerġa’ jiftaħ u jiġi inawgurat fit-8 ta’ Diċembru li ġej. F’April tal-2019, ix-xena ta’ dan il-Katidral maestuż u gotiku jsir ħuġġieġa nar, kienet ixxokkjat lid-dinja kollha, bis-saqaf u l-kampnar inqerdu għal kollox.
Dakhinar il-President Franċiż, Emmanuel Macron, kien qal li l-katidral se jinbena isbaħ milli kien, u ried li x-xogħlijiet fuqu jitlestew fi żmien ħames snin meta l-kapitali Franċiża se tkun qed tospita l-Olimpjadi tas-Sajf din is-sena.
Uffiċjali kienu qalu li, kieku n-nirien ma ntfewx fl-iqsar possibbli, jiġifieri wara disa’ sigħat ta’ ġlieda kontinwa mill-pumpieri, il-katidral li għandu 850 sena u hu wirt internazzjonali tal-UNESCO, kien jinqered għal kollox.
Għaxar xhur qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ, l-Arċidjoċesi tal-kapitali Franċiża ppubblikat il-programm permezz ta’ ittra pastorali, li jinkludi fih numru ta’ ċelebrazzjonijiet kbar u solenni li jibqgħu għaddejjin sat-tmienja ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla, il-festa tal-Pentekoste u s-sena tal-ġublew.
L-Arċisqof stieden lid-dinja kollha biex tiċċelebra l-ftuħ mill-ġdid ta’ dan il-Katidral wara n-nirien tal-15 ta’ April ta’ ħames snin ilu. Ħmistax-il jum qabel l-inawgurazzjoni, se ssir purċissjoni kbira fit-toroq ta’ Pariġi.
L-inawgurazzjoni tan-Notre Dame tibda proprju fis-7 ta’ Diċembru filgħaxija permezz ta’ ċelebrazzjoni tat-Tridu. Din iċ-ċeremonja se tinkludi fiha t-trasferiment tal-Katidral mingħand l-Istat għal għand il-Knisja Kattolika, id-daqq mill-ġdid tal-orgni, li ġie rrestawrat ftit qabel in-nirien, ċelebrazzjoni liturġika bit-tberik tal-Katidral u l-kant tal-Manificat u t-Te Deum.
Il-konsagrazzjoni tal-altar, imbagħad, se tkun fl-ewwel quddiesa li qatt se ssir wara r-restawr tal-Katidral, il-Ħadd 8 ta’ Diċembru, it-tieni Ħadd tal-Avvent.
L-għada, issir iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-Katidral, imbagħad, ikun segwit b’ottava, sal-15 ta’ Diċembru. Dan ifisser li f’dawn il-jiem kuljum ikun hemm ċelebrazzjonijiet solenni b’temi differenti.
Għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet mistennija jattendu numru ta’ awtoritajiet dinjin, dawk li taw id-donazzjoni tagħhom biex ikun jista’ jsir ir-restawr, it-tim li għal ħames snin sħaħ ħadem fuq ix-xogħol ta’ restawr, il-pumpieri involuti ħames snin ilu, l-Isqfijiet kollha Franċiżi u oħrajn minn djoċesijiet differenti minn madwar id-dinja, u fuq kollox il-poplu Franċiż.
Għar-restawr inġabru aktar minn biljun ewro. Biljunarji bħal Bernard Arnault u François-Henri Pinault u l-Gvern Franċiż għaddew numru sostanzjali ta’ fondi għal dan il-għan.