L-Erbgħa filgħaxija sar dibattitu parlamentari dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika fejn spikkaw l-argumenti tal-Gvern dwar pjan li qed jistimula l-ekonomija u dawk tal-Oppożizzjoni li ħaduha kontra l-miżuri li se jolqtu lill-familji u n-negozji.
Il-Prim Ministru semma miżuri importanti li se jkunu qed ikattru l-ġid fost in-nies.
Dr Abela stqarr, “Sħab fil-kont tad-dawl għal tliet xhur f’somma ta’ elf u ħames mitt ewro. Dak li għamilna aħna. U l-vouchers. Il-ħabib tiegħi, l-Onorevoli Kap tal-Opożizzjoni Adrian Delia qalilna li ħadna l-idea tagħhom. U vera kienu qalu qasmu ħamsin ewro voucher lin-nies. Aħna tajna mitt ewro voucher lin-nies.”
Il-Prim Ministru rrimarka li dan il-Gvern ma kellux manwal fuqxiex jimxi f’ċirkostanzi straordinarji li fihom kellhom jittieħdu d-deċiżjonijiet biex jissalvaw il-ħajjiet u n-negozji.
Hu saħaq, “Taf x’kienu sur President il-pariri li tatna l-Oppożizzjoni fl-eqqel tal-pandemija? Li mmorru għal-lockdown. Dawk kienu l-pariri li tajtuna. Li kieku morna lockdown illum ma konniex nkunu f’qagħda li nniedu pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.”
Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mhux biss kritika l-pjan tar-riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro, imma anki l-pakketti finanzjarji ta’ għajnuna li nieda l-gvern waqt il-pandemija li salvaw mal-mitt elf impjieg.
Delia qal, “Imma dak li għamel il-gvern. Dak li ddeċieda l-Gvern. Dak illi prepara l-Gvern qabel xejn ma għenet.”
Fil-Parlament Adrian Delia tenna li jekk hemm xi ħaġa tajba fil-pjan tal-Gvern, dan huwa mertu tal-Oppożizzjoni.
Delia kompla jgħid, “U nirringrazzja l-Gvern talli idea wara l-oħra. Prattikament insomma dak kollu li kellu tajjeb f’dan il-mini budget ġie min-naħa tal-Pppożizzjoni. Tajjeb, grazzi u nispera li tibqgħu tagħmlu hekk. “
Bil-Prim Ministru jwieġeb għal din id-dikjarazzjoni.
“Għajnuniet tajna f’dawn l-aħħar tliet xhur u x’se nkomplu nagħtu fix-xhur li ġejjin. Imma skont l-onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni imn’alla kien hu. Imn’alla kien hu qalilna. Imn’alla kienet l-Oppożizzjoni. Biex niedejna dan il-budget ta’ disa’ mitt miljun ewro.” Stqarr il-Prim Ministru.
Intant f’mument minnhom qam id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u qajjem point of order.
“Jekk il-Prim Ministru jinqabad jisraq u sħabu jinqabdu jisirqu ħaqqhom ikunu taħt inkjesta Maġisterjali.” Qal Aquilina.
Il-Prim Ministru rreaġixxa għall-kummenti t’Aquilina fejn saħaq li mill-Oppożizzjoni sab biss tfixkil fosthom li tpoġġa taħt inkjesti maġisterjali, bħal ma spiċċaw is-suldati li jsalvaw il-ħajjiet.