Mijiet huma dawk l-individwi u familji li matul l-2021 u din is-sena s’issa gawdew minn skemi tal-Housing maħsubin għall-persuni b’diżabilità.
Iċ-ċifri ppubblikahom il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, meta kien qed iwieġeb interpellanza fil-Parlament.
Mill-Iskema Persuni b’Diżabilità bbenefikaw 180 ruħ fl-2021 u, sat-8 ta’ Novembru, din is-sena kienu gawdew 188.
Kienu 145 dawk li bbenefikaw mill-Iskema Benefiċċju tal-Kera s-sena l-oħra, filwaqt li din is-sena, sat-8 ta’ Novembru kienu bbenefikaw 213. Fl-istess waqt, mill-Iskema Sussidju tal-Kera ta’ Qabel l-1995 gawdew 4 individwi din is-sena. Mill-iskema tas-Social Loan ġew megħjunin żewġ persuni s-sena l-oħra.
Permezz tal-Iskema ta-Liftijiet saru 6 liftijiet is-sena l-oħra u 15 din is-sena. Minn dawn il-liftijiet li ġew installati bbenefikaw b’kollox 166 familja – 48 fl-2021 u 118 din is-sena.