Bejn id-29 u t-30 ta’ Diċembru se jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta madwar ħamsin elf passiġġier, biex dawn l-aħħar jiem tas-sena 2023 se jkunu rreġistrati bħala l-aktar ġranet impenjattivi għall-ajruport matul dawn iż-żmien ta’ festi.
ONE NEWS iltaqa’ mal-Kelliem għall-Ajruport Malti Yendrick Cioffi li magħna żvela wkoll liema huma d-destinazzjonijiet l-aktar popolari u mfitxxija għal dawn iż-żminijiet.
Qal, “Jibqgħu l-aktar swieq popolari dawk li kienu matul l-aħħar sena, jiġifieri l-Italja u anke r-Renju Unit, però interessanti li f’dan iż-żmien tal-festi, il-Polonja rat l-akbar titjib meta tqabbila mal-bqija tas-sena. Fil-fatt, it-titjiriet kollha minn u lejn il-Polonja matul dan il-perjodu għandhom seat load factor ta’ aktar minn 85%.”
Dawn in-numri ferm pożittivi f’dawn iż-żminijiet ta’ festi jikumplimentaw anke ir-riżultati rekord li kiseb l-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta matul din is-sena.
Qal, “Is-sena 2023 kienet sena pjuttost bieżla għall-Ajruport, fil-fatt anke aħna qbiża l-aspettativi tagħna u ftit tal-jiem ilu lqajna s-7.5 miljun passiġġier, jiġifieri anke qbiżna r-rekord tal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.”
Il-Maltin u l-Għawdxin jippreferu jqattgħu l-ġurnata tal-Milied imdawrin mal-familja għall-ikla jew iżuru xi presepju u għalhekk kif mistenni dan il-jum kien l-inqas impenjattiv għall-ajruport. Dakinhar kien hemm 52 titjira, 26 tluq u 26 wasla u għaddew mill-ajruport 6,500 persuna.
Peress li l-ajruport huwa l-ewwel u l-aħħar ħaġa li jara turist qabel jitlaq jew jasal f’pajjiżna, fl-Ajruport Malti f’dawn il-jiem kien hemm attività festiva u li tagħti pjaċir lil kulħadd.
Qal, “Aħna l-ajruport dejjem nagħtu importanza li huwa l-ewwel u l-aħħar impressjoni li turist jieħu ta’ pajjiżna allura matul dan il-perjodu kien hemm diversi attivitajiet għaddejjin kemm għall-passiġġieri u anke dawk li jżuru l-ajruport. Diversi attivitajiet.”
L-appell tal-Ajruport huwa biex dawk il-passiġġieri li se jkunu qed isiefru f’dawn l-aħħar jiem tas-sena jaħsbu kmieni u jallokaw biżżejjed ħin biex jgħaddu mill-proċessi tas-soltu.