Isimigħu lil uliedkom, uruhom li tħobbuhom u kunu ta’ wens għalihom f’dawn il-mumenti li jistgħu jaffetwahom b’mod negattiv.
Appell ċar lejn il-ġenituri kollha mill-Kumissarju għat-tfal Pauline Miceli, hekk kif it-tfal kollha nbidlitilhom ir-rutina ta’ kuljum u bħalissa qegħdin ikunu d-dar minħabba l-għeluq tal-iskejjel.
Hija spjegat: “Il-fatt li nbidlet kompletament ir-rutina tal-iskola u tal-ġurnata u tal-ġurnata normali ta’ kulħadd dak ukoll joħloq ċertu inċertezza u anzjetà fit-tfal u stress u jkunu jridu ħafna reassurance min-naħa tal-ġenituri.”
Il-Kumissarju għat-tfal qalet li huwa importanti ferm li l-ġenituri f’dan iż-żmien jallokaw aktar ħin lejn uliedhom, sabiex b’hekk dawn ikunu jistgħu jegħlbu id-diversi sfidi u nkwiet li jkun qed jaffaċċjaw.
Is-Sinjura Miceli sostniet: “Aħna bħala ġenituri nippruvaw nagħmlu dak li dejjem nipprietkaw li nagħtuhom aktar ħin individwali, jekk għandek aktar minn tifel jew tifla waħda fid-dar, alloka l-ħin għal kull wieħed minnhom tihom dik l-attenzjoni individwali biex tara anke u tkellem magħhom biex tara x’inhu jinkwetahom l-aktar u b’hekk inkunu nistgħu ngħinuhom jegħlbu dan iż-żmien.”
Is-Sinjura Miceli tenniet sabiex f’każ ta’ ġenituri separati jipprova jintlaħaq kompremess bejn iż-żewġ partijiet, ħalli b’hekk l-ulied ma jkollomx konsegwenzi aktar negattivi.
Hija kompliet tgħid: “F’dawn il-ġranet u ġimgħat it-tfal ma nużawhomx bħala ballun bejnietna u ma nesponuhomx għal riskji bla bżonn.”
Fid-dawl tal-użu tat-teknoloġija, Pauline Miceli spjegat kemm huwa importanti biex lit-tfal ma jinqatalhomx il-kuntatt man-nanniet tagħhom u ma’ sħabhom.
Miceli appellat biex jiġi segwit dak li qed jgħidulna l-Awtoritajiet tas-Saħħa, u qalet lill-ġenituri biex lit-tfal sabiex ma nesponuhomx għal riskji bla bżonn.