Ejja nsegwu l-istruzzjonijiet ta’ min qiegħed ‘il bogħod minn daru biex jieħdu ħsiebna.
Dan l-appell għamlitu mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela li fit-tieni messaġġ ta’ kuraġġ tagħha rrikonoxxiet il-fatt li hawn min, id-dar mhux post ta’ paċi jew serħan il-moħħ.
Hija stqarret: “Għalihom il-fatt li jridu jibqgħu ġewwa huwa ta’ dwejjaq u periklu. Inħeġġeġ lil dawk kollha li jinsabu f’din is-sitwazzjoni biex jirrapportaw l-Għassa minnufih, jew iżuru spiżjar jew tabib u jiggwidawhom huma.”
Hija sellmet ukoll lil dawk l-anzjani jew il-persuni b’diżabilità li f’dan iż-żmien kiefer spiċċaq waħidhom.
Dr Lydia Abela sostniet: “Serrħu raskom li se nkomplu naraw li kull messaġġ ta’ informazzjoni li ngħaddu jkun dejjem aċċessibbli għal kulħadd u nilħqu lil kulħadd b’mod indaqs.”
Ma naqasx l-appell minn Dr Lydia Abela biex lkoll kemm aħna nsegwu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet u nibqgħu ġewwa.
Mart il-Prim Ministru saħqet: “Naf li mhux faċli u iva jkun hemm mumenti li nkunu se nċedu, imma ejjew nagħmlu l-parti tagħna biex nagħmlu l-ħajja aħjar għalina u aħjar għal dawk li huma ‘l bogħod minn djarhom biex jieħdu ħsiebna.”