B’dan it-temp tal-kartolini, wieħed seta’ jobsor li ħafna se jitħajru joħorġu ‘l barra llum.
Ritratti li qarrejja bagħtulna ftit tal-ħin ilu juru s-sitwazzjoni fiċ-Ċirkewwa bħalissa. Jidher li ħafna għażlu li jmorru l-gżira Għawdxija, fejn hemm ħafna x’tara u x’tagħmel fi żmien il-Milied.
Għal sena oħra, il-Kumitat Milied f’Għawdex, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ħejja programm mifrux fuq Għawdex kollu li beda bejn it-tlieta ta’ Diċembru, u se jkompli sejjer sat-tmienja ta’ Jannar 2017.
It-tradizzjonijiet, l-ikel u ċ-ċerimonji reliġjużi jagħmlu lil Għawdex destinazzjoni xitwija mimlija b’attivitajjiet għal persuni ta’ kull età. Titsa’ tara presepji ħajjin f’Għajnsielem, fix-Xagħra u fin-Nadur u l-kreattività Għawdxija tispikka fid-diversi wirjiet ta’ presepji statiċi u makkinizzati, magħmula minn kull tip ta’ materjal immaġinabbli.
Attrazzjonijiet li jagħtu valur għall-miġja f’Għawdex jinkludu wkoll pageants, purċissjonijiet, attivitajiet staġjonali, festi kulturali, dwal, u t-tiżjin tad-djar. Ma jonqsux anke l-kunċerti, avvenimenti reliġjużi, avvenimenti għat-tfal, Christmas markets, parati tal-Milied, u kull xorta ieħor ta’ divertiment għall-familja kollha.