Il-Prim Ministru qal li pajjiżna għandu argumenti sodi fuq l-għoti tal-fondi Ewropej u huwa jinsab konvint li se naslu mhux biss għax inkunu vuċi waħda mal-grupp tal-pajjiżi tal-‘Friends of Cohesion’ iżda wkoll għax bħala pajjiż nirsistu u naħdmu flimkien.
“Filwaqt li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija u l-impjiegi, xorta waħda rridu nassiguraw il-fondi Ewropej biex inkomplu ninvestu u nikbru aktar” saħaq il-Prim Ministru fil-kapitali Ċeka.”
Fi tmiem l-indirizz tiegħu f’din il-laqgħa, il-Prim Ministru wera l-ottimiżmu tiegħu li l-budget Ewropew se jkun wieħed ta’ sens komun u sensibbli lejn dawk li għandhom bżonn il-pajjiżi membri.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia tkellem dwar il-ħtieġa tal-użu bil-għaqal tal-fondi f’oqsma differenti: “Il-fondi ta’ koeżjoni huma importanti fil-budget Ewropew speċjalment għal pajjiżna li permezz tagħhom jagħmel ħafna affarijiet inkluż tibdil fl-infrastruttura, skejjel, qasam tas-saħħa, il-ħiliet tal-ħaddiema tagħna, negozji u l-qasam ukoll ambjentali u t-tibdil fil-klima huma fuq quddiem nett tal-aġenda tagħna.”
Malta nefqet sal-aħħar ċenteżmu tal-fondi allokati lilha bejn l-elfejn u erbatax u l-elfejn u għoxrin u pajjiżna huwa eżempju għal pajjiżi oħra fl-amministrat tal-Fondi Ewropej.
Dan għall-kuntrarju ta’ pajjiżi Ewropej oħra li tilfu madwar biljun u tliet mitt elf ewro mill-fondi allokati.