Buttigieg kienet mill-aktar negattiva fil-qasam tas-saħħa f’intervent li għamlet il-bieraħ waqt attività politika tal-PN.
Fi stqarrija l-Ministeru tas-Saħħa nnota li Buttigieg selmet lil omm għax bintha kienet għal kura f’sala fis-sular minus one ta’ Mater Dei. Din hija waħda mis-swali li nfetħet fl-2011 fi żmien Gvern Nazzjonalista, meta Buttigieg kienet taħdem fid-Dipartiment tas-Saħħa. Għalhekk Buttigieg spiċċat tikkritika lilha nnfisha.
“Ġojjell li wiret dan il-Gvern minn ta’ qablu” – b’dan il-mod ix-shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg iddeskriviet l-Isptar Mater Dei, minkejja l-problemi strutturali kbar li għalih il-poplu ser ikollu jħallas €150 milijun.
Il-Ministeru fakkar li fl-aħħar xhur, permezz tal-ftuħ ta’ tliet swali, żdiedu 95 sodda ta’ kwalità f’Mater Dei. Din is-sena naqsu b’madwar 90% il-pazjenti fil-kurituri.
L-Onorevoli Buttigieg sostniet li dawk li jkollhom bżonn appuntament tal-physio qegħdin jdumu xhur biex jinqdew. Il-verità hi li każijiet urġenti qed jinqdew fi ftit jiem, filwaqt li l-lista ta’ stennija f’dan id-dipartiment naqset minn 600 għal 308.
Fid-diskors tagħha Buttigieg semmiet ukoll dawk li sejħet bħala listi twal ta’ stennija. Ħasra li hija ma qalitx li fl-Ortopdeija dan il-Gvern sab każijiet li kienu ilhom jistennew għaxar snin għal operazzjoni. Lanqas ma semmiet li dawn issa diġà tniżżlu għal madwar sentejn.
Fl-istqarrija l-Minsiteru josserva li kien il-Partit Nazzjonalista li ħoloq dawn il-problemi fil-qasam tas-saħħa u għadu sal-lum mingħajr pjan ta’ kif se jsolvihom.