L-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Banda Paola b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet u l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid se jippreżentaw l-attività F’Casal Paola fil-Pjazza tan-Nies, Lejla ta’ Storja, Arti u Mużika.
F’din l-attivita se mmorru lura tul kważi 400 sena ta’ storja li sawret lil dan ir-raħal u li llum tista’ tgħid li sar belt kruċjali fin-nofsinhar ta’ Malta.
Tul din l-attività se jiddominaw f’din il-pjazza, attivitajiet marbutin mal-arti u l-mużika, fosthom re-enactments u teatru ta’ triq li se jitħalltu ma’ disinji magħmulin minn fjammi tan-nar. Ix-xelter li jinsab fil-pjazza se jkun mixgħul fid-dawl tax-xema’ u se jsir ukoll kunċert fuq l-orgni fil-Knisja ta’ Kristu Re
Se jkun hemm ukoll l-element mużikali bi gruppi folkloristiċi b’daqq ta’ għanjiet tradizzjonali Maltin, diversi wirjiet f’partijiet differenti ta’ din il-pjazza, kif ukoll xogħolijiet ta’ artiġjanat Malti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha saret it-tnedija ta’ din l-attività, l-Aġent President ta’ din l-Għaqda, Clayton Portelli Cascun tenna li huwa ta’ unur għalih li qiegħed iniedi għall-ewwel darba din l-attività li persważ, li se tattira bosta Maltin u turisti f’dan ir-raħal. L-Aġent President irringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis u lis-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima tal-appoġġ kontinwu tagħhom.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima saħaq dwar kemm huma importanti attivitajiet bħal dawn għaliex juru l-aspett kulturali u l-istorja tar-raħal u fl-istess ħin iservu bħala promozzjoni tal-istess raħal.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis tenna li għaddej b’impenn sħiħ biex jagħti nifs ġdid lill-Kunsilli Lokali tagħna u fil-fatt ftit jiem oħra se titnieda l-White Paper tar-Riforma fi ħdanhom għall-Konsultazzjoni Pubblika. Is-Segretarju Parlamentari sostna li l-għan ewlieni ta’ din ir-riforma huwa li jkomplu jiggwadanjaw l-irħula u ċ-ċittadini tagħna u attivatjiet bħal dawn huma xhieda ta’ kemm huma importanti l-Kunsilli Lokali fiż-żamma tat-tradizzjonijiet u fl-identità tal-irħula tagħna. Silvio Parnis għalaq billi awgura lill-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Banda Paola kull suċċess għal din l-attività
Din l-attività se ssir nhar is-Sibt 20 ta’ Ottubru 2018 mis-7 ta’ filgħaxija ‘l quddiem.