F’Baltimore wasal l-akbar krejn ta’ fuq il-baħar tal-Lvant tal-Istati Uniti, biex jgħin fl-isforzi tat-tindif li qed isiru wara t-tiġrif tal-Francis Scott Key Bridge.
Il-vjaġġi li jsiru minn u lejn wieħed mill-aktar portijiet bieżla tal-pajjiż għadhom sospiżi, filwaqt li t-tifrik għadu fuq il-bastiment tal-merkanzija li ħabat fil-pont.
It-tfittxija għall-katavri ta’ erba’ ħaddiema wkoll għadha sospiża, minħabba l-perikli ta’ tfittxijiet qalb it-tifrik.
Madwar sittin miljun dollaru Amerikan f’fondi ta’ emerġenza se jmorru biex jgħinu fl-operazzjonijiet ta’ tindif u salvataġġ.
Il-President Joe Biden qal li se jmur Baltimore l-ġimgħa d-dieħla biex jara s-sit fejn seħħ l-inċident u jitkellem ma’ dawk li qed jieħdu ħsieb l-operazzjonijiet li għaddejjin.
Dan il-port huwa mutur ewlieni għall-ekonomija tal-istat ta’ Maryland, u arterja importanti għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet; kemm tal-Istati Uniti, u anki tal-kummerċ globali.