Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li bdiet fażi ġdida fl-istudji li qegħdin isiru bħala parti mill-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex. Il-kuntrattur, GEOTEC SPA, li rebaħ tender f’Ġunju li għadda, beda jestratta serje ta’ kampjuni investigattivi li qegħdin jsiru f’postijiet differenti fuq l-art u fil-baħar.
Dawn l-istudji bdew nhar it-18 ta’ Ottubru 2017, u jdumu għaddejjin għaxart ijiem f’kull post magħżul. Transport Malta għażlet li tibda t-tħaffir wara x-xhur tas-sajf biex ma ttellifx l-attività qawwija f’dawn l-inħawi matul dan l-istaġun. Fil-jiem li ġejjin mistenni jibda proċess ta’ studju fuq il-baħar.
Waqt dan l-Investigative Coring, il-kuntrattur qiegħed iħaffer numru ta’ boreholes f’Malta, f’Għawdex, u fil-fliegu bejn iż-żewġ gżejjer. Dan kollu sar wara ħidma mal-ERA, biex ikun assigurat l-inqas impatt ambjentali. Bħala parti mill-istudji għall-proġett, Transport Malta qiegħda taħdem mal-Università ta’ Malta, li flimkien ma’ OGS Trieste diġà wettqet serje ta’ investigazzjonijiet sismiċi matul ix-xhur li għaddew.
Ir-riżultati u l-analiżi tal-investigazzjonijiet sismiċi u ġeoloġiċi se jintużaw biex jiġi stabbilit mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni. L-istudji huma pass importanti fil-proċess biex jiggwidaw id-disinn tal-mina proposta bejn il-gżejjer.