F’Awwissu li għadda żaru pajjiżna 65,715-il turist iżjed mix-xahar ta’ qabel.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO li wriet kif f’Awwissu ġew f’Malta 114,458 turist.
Dan filwaqt li f’Lulju, meta fetaħ l-ajruport għat-turisti, ġew inqas min-nofs ta’ dak li ġie f’Lulju, jiġifieri 48,743 turist.
In-nefqa tat-turisti li ġew f’pajjiżna fit-tmien xahar tas-sena wkoll kienet ferm iżjed minn dik f’Lulju.
Fil-fatt din kważi ttripplat fejn filwaqt li f’Lulju, n-nefqa tat-turisti f’Malta kienet ta’ €33.8 miljun, f’Awwissu din telgħet għal €94.6 miljun.
Il-maġġoranza assoluta tat-turisti ġew f’pajjiżna bl-ajru.
Fil-fatt 112,051 turist ġew bl-ajruplan filwaqt li kienu 2,407 turisti li ġew bil-baħar.
Wieħed irid jikkunsidra li l-ewwel cruiseliner daħal f’pajjiżna wara l-imxija fil-21 t’Awwissu.
Il-biċċa l-kbira tat-turisti li rifsu artna kienu pjuttost żgħażagħ hekk kif kienu jgħoddu bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħin sena.
L-aktar ammont ta’ turisti li ġew f’Awwissu ta’ din is-sena kienu ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda kien hemm kważi 29,000 turist li kienu ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.
Il-maġġoranza tat-turisti ġew għal btala, bi ftit aktar minn 2,300 turist ġew fuq xogħol.
Tliet kwarti tat-turisti li ġew f’Malta, qattgħu f’pajjiżna sebat iljieli jew aktar.
Fil-fatt dawn it-turisti kienu jgħoddu għal 76,103.
Ftit iktar min-nofs it-turisti li ġew f’Malta qagħdu f’lukandi, b’oħrajn qagħdu fi proprjetà mikrija.
L-akbar suq tat-turisti f’Malta kien ir-Renju Unit.
Minn hemm ġew kważi 25,000 turist, li jfisser żieda t’aktar minn 20,000 turist mir-Renju Unit fuq ix-xahar ta’ qabel.
Pajjiżi oħra li minnhom ġew ħafna turisti kienu l-Italja, Franza u l-Ġermanja.
In-numru tat-turisti minn dawn il-pajjiżi jiżboq ferm meta jitqabbel bejn Awwissu u Lulju li għadda.
Intant in-numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’Awwissu rdoppja meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Filwaqt li f’Awwissu dawn kienu jgħoddu għal 1,075,823, f’Lulju l-iljieli laħqu 596,139.