F’Awwissu li għadda l-Gvern għamel surplus fil-Fond Konsolidat ta’ €129 miljun.
Skont statistika tal-NSO, tul dan ix-xahar il-Gvern kellu l-akbar ammont ta’ dħul li qatt kien osservat f’dan ix-xahar fl-istorja, f’sinjal ċar ieħor li pajjiżna qabad sew it-triq tal-irkupru ekonomiku.
Fil-fatt inġabru €605 miljun, li jfissru titjib ta’ €53 miljun fuq Awwissu tal-2019, li qabel kien ix-xahar bl-aktar dħul rekord fl-istorja.
Meta mqabbel ma’ Awwissu ta’ sena ilu, kien hemm żieda ta’ €186 miljun, jew 45%.
Kważi terz taż-żieda fid-dħul mit-taxxi osservat f’Awwissu li għadda kien mill-VAT, li kważi laħaq il-livell tal-2019.
Dan juri kif il-miżuri tal-Gvern, speċjalment it-tieni rawnd tal-vouchers wasslu għal konsum privat qawwi li reġa’ lura kważi għal-livell ta’ qabel il-pandemija.
Aktar minn terz taż-żieda fid-dħul kien mill-income tax u mill-bolla.
Hawnhekk id-dħul qabeż sewwa il-livell tal-2019.
Dan huwa riflessjoni tal-fatt li l-qgħad waqa’ għal minimu storiku għax kompla jinħoloq numru qawwi ta’ mpjiegi.
Dan wassal għal dħul akbar għall-ħaddiema.
Il-bqija taż-żieda fid-dħul kienet ġejja mid-dwana u minn għotjiet.
Id-dħul mid-dwana kważi reġa’ lura għal-livell tal-2019, riflessjoni oħra taż-żieda fil-konsum privat.
Fejn jidħlu għotjiet, dawn jirriflettu l-ħidma sfiqa tal-Gvern li qed twassal għal aktar fondi mill-Unjoni Ewropa, liema fondi qed imorru għal proġetti ta’ fejda.
Fil-fatt fix-xahar ta’ Awwissu kien hemm spiża kapitali ta’ aktar minn €54 miljun.
Din kienet l-akbar ammont ta’ spiża kapitali li qatt saret fix-xahar ta’ Awwissu fl-istorja ta’ pajjiżna, żieda ta’ 17% fuq sena ilu.
B’kuntrast fil-kriżi tal-2008, Gvern Nazzjonalista b’politika ta’ awsterità naqqas l-ispiża kapitali kważi bin-nofs.
F’Awwissu l-Gvern nefaq €401 miljun fi spiża rikurrenti, li kienet ukoll rekord fl-istorja.
Dan kien dovut għat-twettiq tal-miżuri mħabbra fil-budget li għadda, li kien l-aktar budget ġeneruż li qatt ra pajjiżna.