Statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, turi li f’Awwissu Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi taż-żona Ewro.
Ir-rata ta’ qgħad f’Malta kienet ta’ 4.1% filwaqt li l-medja fiż-żona ewro kienet kważi d-doppju ta’ Malta, jiġifieri 8.1%.
Din l-aħħar statistika tikkonferma li għat-tielet xahar konsekuttiv, Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona Ewro.
Meta mbagħad wieħed iqis fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, hawnhekk Malta wkoll qiegħda ma’ ta’ fuq, hekk kif pajjiżna rreġistra t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Kienu biss ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja li qabżu lil Malta f’dan ir-rigward.
Ir-Repubblika Ċeka, filwaqt li kellha l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa, minn Lulju għal Awwissu żiedet ir-rata ta’ qgħad.
Pajjiżi oħra fiż-żona Ewro, fosthom il-Ġermanja, il-Belġju u Ċipru kellhom ilkoll rati ogħla ta’ qgħad.
Stati membri oħra, bħall-Iżvezja lkoll kellhom rati ferm aktar għoljin ta’ qgħad minn Malta, u l-pajjiż Skandinavu inkwistjoni kellu rata ta’ qgħad ta’ 9.2%, jiġifieri rata iżjed mid-doppju minn ta’ Malta.
L-istatistika tinnota wkoll li f’Malta, ir-rata ta’ qgħad naqset b’mod kostanti fejn filwaqt li f’Mejju din kienet ta’ 4.5%, f’Awwissu l-qgħad niżel għal 4.1%.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru wkoll innota din l-aħbar pożittiva li turi kif f’pajjiżna, minkejja l-imxija, il-qgħad huwa l-aktar baxx fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro.
@EU_Eurostat data confirms that #unemployment in #Malta in #August was the lowest rate in the #euro area for the third consecutive month. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 1, 2020