F’Awwissu li għadda ġew irreġistrati 1,137 bejgħ ta’ proprjetà madwar Malta u Għawdex, żieda ta’ 197 jekk wieħed iqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, il-bejgħ tal-proprjetà f’Awwissu li għadda laħħaq ukoll il-mitejn, tmienja u tletin miljun u seba’ mitt elf ewro, kważi 38% ogħla mis-sena li għaddiet.
L-NSO żied jgħid ukoll li ftit anqas minn 93% tal-proprjetà mibjugħa nxtrat minn individwi u l-bqija minn kumpaniji kbar. B’kollox €203.5 miljun intefqu minn individwi biex jixtru dar.
Skont l-NSO, fost il-postijiet li minnhom inbiegħu l-akbar ammont ta’ djar hemm Ħaż-Żabbar, Ix-Xgħajra u l-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar.
L-istess stħarriġ juri wkoll li bejn Awwissu tal-2020 u Awwissu li għadda, kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ konvenji li ġew iffirmati. Filfatt l-ammont ta’ dawn għal Awwissu ta’ din is-sena jgħodd it-891, 183 anqas minn Awwissu tal-2020. 787 minn dawn ġew iffirmati minn individwi, bil-maġġoranza tal-proprjetajiet ikunu f’Għawdex u f’Birkirkara.