F’Awwissu f’Malta kien hawn żewġ terzi inqas wasliet ta’ immigranti mill-istess xahar tas-sena l-oħra.
F’intervista fuq l-istazzjon ONE l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li dan l-istess xahar kien wieħed li esperjenza ammont ta’ tluq ta’ immigranti mil-Libja ħafna ikbar.
Huwa qal: “Bħala pajjiż għamilna minn kollox u aktar milli minn kollox biex in-numri ta’ wasliet f’pajjiżna biss biss insemmi Awwissu, il-‘peak season’, il-‘peak month’ tal-immigrazzjoni, dis-sena kellna wasliet żewġ terzi inqas milli kellna s-sena ta’ qabel minkejja li t-tluq mil-Libja kien ħafna iżjed.”
Huwa tenna li pajjiżna ma jistax jerfa’ l-piż tal-immigrazzjoni fil-Meditteran waħdu, għaliex fi kliemu Malta hija full up u ma tistax tkompli tilqa’ iktar immigranti irregolari.
Hawnhekk, spjega kif huwa surreali li l-kandidat tal-establishment għal kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, qal pubblikament li Malta mhux vera full-up.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Dejjaqni statement, jiġifieri ma rridx nidħol fil-kontroversji li hemm fil-Partit Nazzjonalista bħalissa, li jkollok wieħed mill-kontendenti prinċipali, il-kontendent tal-‘establishment’ ħa nsejjaħlu hekk, illi jgħidlek “Malta mhux full-up.” Kif Malta mhux full up? Jiġifieri kieku kellu jkun dan l-individwu fil-pożizzjoni tiegħi ta’ Prim Ministru il-messaġġ li se jibgħat lill-Ewropa se jkun Malta mhux full-up.”
Il-Prim Ministru stqarr li l-prinċipju se jibqa’ n-nuqqas ta’ wasliet. Spjega kif problema prinċipali hija li gruppi kriminali qed jittraffikaw l-umani u l-membri stati tal-Unjoni Ewropea mhux qed jerfgħu parti mill-piż. Dan kien ċar fil-każ tal-immigranti miżmuma fuq il-bastiment Etienne Maersk.
Dr Abela kompla jgħid: “Insemmilek il-każ tal-bastiment li riċentament ftit tal-jiem ilu, b’seba u għoxrin immigrant fuqu tħalla tmienja u tletin ġurnata fuq il-baħar. Għaliex? Għaliex, 27 stat membru ma ridux jieħdu mqar immigrant wieħed, wieħed kull wieħed, wieħed kull wieħed.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-awtentiċità fil-politika hija kruċjali u stqarr li huwa minn dejjem kien trasparenti man-nies u lest li jieħu kull deċiżjoni, diffiċli kemm tkun diffiċli.
Huwa qal: “Li meta tiġi għal mument tad-deċiżjoni joħodha iebsa kemm hi iebsa, diffiċli kemm hija diffiċli u li f’ħajtu għex ħajja normali u ma jippriedkax mod u llum iridna nagħmlu mod ieħor. Fl-aħħar mill-aħħar l-awtentiċità fil-politiku.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/09/20/sondagg-intern-juri-li-l-maggoranza-tal-genituri-huma-favur-li-t-tfal-imorru-l-iskola-il-pm/