F’Awwissu li għadda l-qgħad reġa’ naqas u issa n-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol niżel sew taħt l-1,500.
Fil-fatt statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika l-NSO wriet li fit-tmien xahar ta’ din is-sena, in-numru ta’ persuni qiegħda kien ta’ 1,442.
Dan huwa 2,230 inqas minn Awwissu tas-sena l-oħra u 100 ruħ inqas minn Lulju li għadda.
Meta mqabbel Awwissu li għadda, ma’ dak tas-sena l-oħra, il-qgħad naqas f’kull kategorija tal-età fosthom fiż-żgħażagħ u anki dawk li jgħoddu 45 sena jew aktar.
F’din l-aħħar kategorija ta’ età l-qgħad naqas b’iktar min-nofs filwaqt li fil-kategorija t’età ta’ dawk li jgħoddu bejn il-25 u d-29 sena, il-qgħad naqas bi kważi ħames darbiet.
Anki l-perjodu ta’ kemm wieħed dam jirreġistra ma’ Jobs Plus naqas ferm meta jitqabblu ċ-ċifri t’Awwissu ta’ din is-sena ma’ Awwissu 2020.
Dawk jirreġistraw għall-inqas minn 21 ġimgħa naqsu b’aktar minn tliet darbiet filwaqt li dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal bejn 21 ġimgħa u sena, naqsu bi kważi erba’ darbiet.
F’Malta issa l-qgħad ilu jonqos b’mod konsekuttiv għal 15-il xahar.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela nnota t-tnaqqis fil-qgħad u qal li minkejja pandemija, Malta reġgħet naqset il-qgħad u saħansitra kisret ir-rekord tal-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.