F’Awwissu l-qgħad f’pajjiżna reġa’ naqas bi ftit aktar minn tliet mitt persuna.
Dan ħareġ minn statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika.
Skont l-NSO, ix-xahar li għadda kien hawn tliet t’elef sitta mija u tnejn u sebgħin persuna jirreġistraw għax-xogħol.
Dan ifisser li f’Awwissu kien hemm ftit aktar minn tliet mitt persuna inqas jirreġistraw għax-xogħol meta mqabbel ma’ Lulju.
Skont l-istatistika tal-NSO jirriżulta li għat-tielet xahar konsekuttiv, f’Malta naqas il-qgħad.
Filwaqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien tela’ għal erbat elef, erba’ mija u disgħa, sal-aħħar t’Awwissu, n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol kien naqas għal tliet t’elef, sitt mija u tnejn u sebgħin.
F’Ġunju, wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-qgħad kien diġà niżel bi kważi mija u erbgħin persuna.
F’Lulju, bit-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq is-settur turistiku, il-qgħad niżel bi kważi mitejn u disgħin.
Fuq medda ta’ tliet xhur, l-ammont ta’ nies qiegħda naqas b’aktar minn seba’ mitt persuna.
Dan ifisser li wieħed minn kull sitt persuni qiegħda f’Mejju issa ma għadhomx jirreġistraw għax-xogħol.
Fi stqarrija l-Gvern qal li s-saħħa tal-irkupru ekonomiku qed tinħass saħansitra b’aktar qawwa fil-gżira Għawdxija.
Imqabbel ma’ Mejju, f’Awwissu, fil-gżira tat-tliet għoljiet, in-numru ta’ dawk qed ifittxu xogħol naqas bi tmienja u għoxrin fil-mija.
Hawnhekk huma wieħed minn kull erba’ persuni li kienu jirreġistraw f’Mejju issa sabu impjieg.
Il-Gvern qal li l-indikazzjonijiet huma li anke f’Settembru l-qgħad kompla jonqos f’pajjiżna.
Dan b’kuntrast għas-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali li donnu qiegħda terġa’ tmur għall-agħar.
Il-Gvern tenna li bħalissa qed iħejji sensiela ta’ miżuri biex tkompli tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dan permezz tal-baġit li se jitħabbar f’Ottubru u li hu mistenni jwassal għal stimulu ekonomiku ieħor bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna.
Intant b’rabta mal-istatistika rreaġixxa fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela li saħaq kif iċ-ċifri juru pajjiż li qed jirkupra u li qed jissaħħaħ.
@nsomalta data shows #Malta’s #recovery #strengthened in #August with the third consecutive month-on-month drop. One in six of those registering in #May now is back in #employment. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 24, 2020