Il-vittma fl-omiċidju tas-Sibt filgħaxija f’appartament f’Marsalforn ġiet identifikata bħala Fawez Najem, Sirjan ta’ 25 sena.
Bħalissa l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ, u għadha qed tistabbilixxi x’wassal eżatt sabiex, waqt ġlieda bejn numru ta’ Sirjani, spiċċa nqatel iż-żagħżugħ.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, jidher li l-ġlieda seħħet meta grupp ta’ Sirjani, li kienu armati b’sikkina, marru jħabbtu l-bieb ta’ Sirjan ieħor fl-appartament tiegħu f’Marsalforn.
Meta bdiet il-ġlieda, is-Sirjan li allegatament kien qed jiġi aggredit irnexxielu jieħu s-sikkina ta’ wieħed mill-allegati agressuri u spiċċa jagħti hu bis-sikkina.
Kien hawn li allegatament ta daqqiet ta’ sikkina f’żaqq il-vittma.
Kif anke ntqal fl-istqarrija tal-Pulizija, il-vittma ttieħed l-Istpar Ġenerali ta’ Għawdex minn tlett irġiel; iż-żagħżugħ kien mitluf minn sensih u b’daqqiet ta’ sikkina.
L-età tal-akkużati tvarja bejn l-24 sena u d-29 sena.
Waqt l-argument intużaw diversi oġġetti iebsin fosthom injam, siġġijiet, u sikkina.
ONE News jinsab infurmat ukoll li l-Pulizija qed tkellem xhieda li kienu f’ħanut tax-xorb biswit l-appartament fejn seħħ l-omiċidju.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Bridgette Sultana, li ħatret inkjesta.