Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħarġet tfaħħar il-pjani ta’ Transport Malta biex tiżdied it-trasparenza fuq proġetti infrastrutturali madwar il-pajjiż, fosthom fit-toroq.
Ftit tal-jiem ilu, tħabbar kif, fost oħrajn ,se jibdew jitwaħħlu billboards fit-toroq li jkun qed isir xogħlijiet fihom biex jagħtu informazzjoni dwar meta dawn ikunu se jitlestew. Dan filwaqt li jipprovdu informazzjoni dwar ir-raġunijiet għalxiex ikun qed isir ix-xogħol, l-isem tal-entità, li tkun qed tieħu ħsieb ix-xogħol, l-isem tal-kuntrattur, id-data ta’ meta beda x-xogħol u numru tat-telefown għal min irid aktar tagħrif.
Dan apparti pjani favur blacklisting tal-kuntratturi għal dewmien jew xogħol li jsir ħażin u proċess għal permessi biex jingħalqu t-toroq ċċentralizzat b’sistema diġitali ta’ Transport Malta biex ma jkunx hemm toroq magħluqin vicin xulxin fl-istess ħin, fost oħrajn.
B’reazzjoni għal dan il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji sostniet li temmen li din il-ħidma se tiġġenera riżultati pożittivi anke li jtejbu l-esperjenza ta’ kulħadd fi sfond ta’ xogħlijiet li jkunu qed isiru.