Waqt il-programm Dissett, fl-ewwel intervista tiegħu bħala Prim Ministru fuq ix-xandir tal-istat, Robert Abela tkellem dwar id-deċiżjonijiet importanti li ħa biex jaħtar kabinett.
Filwaqt li qal li dan huwa Kabinett bilanċjat b’taħlita ta’ esperjenza, enerġija u entużjażmu huwa aċċenna dwar l-infurzar tal-liġi u saħaq li għandha ssir ġustizzja ma’ kulħadd.
Dr Abela stqarr: “U naħseb irridu nibqgħu nippressaw fuqu l-infurzar. Mhux li nsiru xi pajjiż, xi pajjiż, ta’ xi police state, li ma tistax tiċċaqlaq, le, li inti n-nies iħossuhom siguri, li jekk imxejt fit-triq inti trankwil, anki f’areas li jkollok konċentrazzjoni ta’ immigrazzjoni.”
“Li inti għandek il-bankina libera, mhux okkupata, għax huma l-affarijiet li jdejqu n-nies.”
“U li ssir il-ġustizzja ma’ kulħadd, naħseb b’mod ġenerali l-prinċipju għandu jkun li l-ġustizzja ssir ma’ kulħadd. Ma’ min jonqos trid issir ġustizzja.”
Dr Abela tkellem dwar il-ħtieġa ta’ iżvilupp sostennibli u l-bżonn ta’ spazji aktar miftuħa għall-familji.
Il-Prim Ministru sostna: “Irridu nagħmlu kostruzzjoni b’aktar mod intelliġenti, żvilupp b’mod aktar intelliġenti. Inħarsu lejn l-estetika. Inħarsu lejn żvilupp, lejn bini li ma tistax tħares lejn triq inti u jkollok binja tara b’viżwali mod, oħra mod u ieħor u l-ambjent. L-ambjent li jinkludi aktar siġar ma’ pajjiżna, aktar tħawwil ta’ siġar, naħseb li huwa importanti ħafna, aktar ħdura, aktar open spaces u toħloq dak il-bilanċ, mhux impossibbli biex nagħmluha.”
Dwar il-governanza, il-Prim Ministru qal li huwa mal-ewwel ta sinjali sa mill-ħatra tiegħu dwar din it-tema u spjega kif il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax imexxi bl-eżempju tiegħu stess. Huwa stqarr: “Ma naħsibx li tant qiegħed f’qagħda li jippriedka fuq governanza tajba, Adrian Delia. Żgur mhux se nieħu lezzjonijiet mingħandu għaliex bl-eżempji tiegħu u l-mod kif ġab ruħu kemm ilu fil-kariga ma tantx kien xempju ta’ governanza tajba. Il-governanza t-tajba se titwettaq f’pajjiżna, diġà bdejna nwettquha.”
Huwa tkellem ukoll kif il-ħaddiema barranin qed jikkontribwixxu f’ekonomija li qed tkompli tikber iżda qal li huwa importanti li l-ħaddiema Maltin jibqa’ jkollhom dħul xieraq għall-familji tagħhom.
“Għax il-ħaddiem barrani ma jintużax biex jitnaqqsu jew jibqgħu isfel il-pagi tal-ħaddiema Maltin. Dawn huma l-mudelli li rridu nħarsu lejhom, li inti trid il-ħaddiem barrani imma mhux inġib il-ħaddiem barrani biex inbaxxi l-paga tal-Maltin. Jien intejjeb il-paga tal-Maltin nixtieq”, spjega l-Prim Ministru.
Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Abela kien ċar u qal li l-fruntiera hija waħda Ewropea wkoll u l-istati membri kollha flimkien jridu jerfgħu l-piż. Dr Abela wieġeb: “Jiena beħsiebni nibqa’ nippressa biex il-piż li nerfgħu aħna jkun proporzjonat għad-daqs tagħna. Mhuwiex sew illi pajjiżna jerfa’ iktar milli jiflaħ.”
Fuq Dissett ġie mistoqsi wkoll dwar il-konsulent tiegħu, bħala Prim Ministru.
Meta kien mistoqsi: “Louis Grech dejjem fdat u qatt ma żgarra, kien konsulent ta’ Joseph Muscat, se jkun konsulent tiegħek ukoll?” Il-Prim Ministru wieġeb fl-affermattiv.
Mistoqsi dwar mekkaniżmu li jara iżjed parteċipazzjoni ta’ nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Prim Ministru qal li huwa favurih ħafna u qal li għandu jidħol b’rispett lejn il-proċess demokratiku li għandu diġà pajjiżna.
Dr Abela stqarr: “Jekk mhux se noħolqu dan il-mekkaniżmu li bih is-sess l-anqas rappreżentat, is-sess l-anqas rappreżentat bħalissa huma n-nisa, hija ovvja, jingħata aktar viżibilità fil-Parlament, jekk mhux se noħolquh ħa nibqgħu kif aħna.”
Fuq kollox Dr Abela għalaq l-intervista dwar aktar emendi fil-liġi tal-IVF.
Saħaq li huwa jrid jindirizza x-xewqa ta’ aktar nisa li jixtiequ jħaddnu tarbija u jsiru ommijiet. Dr Abela qal: “Favur kull miżura li twassal għal aktar twelid ta’ trabi.”
Meta kien mistoqsi jekk hux se jemmenda l-liġi, il-Prim Ministru wieġeb: “Dejjem tkellimt favur anki fl-emendi li għamilna fl-aħħar leġislatura, kont voċiferu, xtaqna li għamilna iżjed, nieħu l-pariri tekniċi u mediċi kollha li hemm bżonn, jiena ltqajt ma’ wisq nisa li għandhom 44, 45 sena u li jibku għall-opportunità aħjar, ma nistax ninjorahom.”