Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo ħareġ jattakka lill-blogger Manuel Delia, f’attakk ieħor bejn il-fazzjonijiet li fnew il-Partit Nazzjonalista bil-ġlied li ma jaqta’ xejn.
Id-deputat veteran, wieħed mill-aħħar alleati ta’ Adrian Delia fil-grupp parlamentari Nazzjonalista, fuq il-midja socjali akkuża lil Manuel Delia u qallu li wara li niżżel in-nies fit-toroq b’demostrazzjonijiet favur id-demokrazija, issa qiegħed joqtol il-leġittimità ta’ Adrian Delia.
Dan wara li l-blogger qrib tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kiteb artiklu li fih kompla l-ġlieda tal-fazzjoni li akkost ta’ kollox trid ittajjar lil Adrian Delia mit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-blogg tiegħu Manuel Delia implika li Yorgen Fenech il-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ħallas il-kampanja ta’ Adrian Delia biex sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt huwa staqsa jista’ Adrian Delia jassigura lil kulħadd li l-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-partit ma kinitx iffinanzjata minn Yorgen Feench? Jista’ jassigurana li Yorgen Fenech ma ffinanzjax lill-partit nazzjonalista mindu ħa t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista?
B’reazzjoni għal dawn l-akkużi gravi, Vassallo ma qagħadx jomogħda u qal li Manuel Delia jrid jagħżel jekk hux favur it-tisħiħ tal-valur demokratiku kullimkien jew iridx joqgħod għal min qed jagħtih l-ordni sabiex joqtol lil Adrian Delia politikament.
Dan f’botta għar-rabiet cari li hemm bejn il-fazzjoni Busuttil u l-organizzazzjonijiet ta’ Manuel Delia, Repubblika u Occupy Justice.
Fil-fatt fl-ewwel jiem tiegħu fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, esponent ewlieni tal-fazzjoni Busuttil, stieden lil Manuel Delia u membri oħra ta’ Repubblika fid-Dar Centrali għal laqgħa.
Edwin Vasallo spicca jisfida lill-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt biex jgħid min qiegħed iħallsu biex jagħmel din il-kampanja hekk diviżiva li fi kliem Vassallo qed twassal biex f’pajjiżna, jkun hawn anarkija.
Intant, b’reazzjoni għall-istess storja li kiteb Manuel Delia, l-eks kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Frank Portelli – ieħor mill-fazzjoni favur il-Kap Adrian Delia – qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jiddistakka ruħu minn dawk li sejħilhom bħala ‘hate-bloggers’.
Din tidher ukoll bħala reazzjoni għal-laqgħa li Manuel Delia kellu ma’ Zammit Dimech.