22 sena, 81 persuna mejta u tliet inkjesti pubbliċi li saru biss taħt Gvern Laburista fl-aħħar snin. Persuni responsabbli msemmija fl-inkjesta Sofia saħansitra appuntati fi żmien Gvern Nazzjonalista. Dan minbarra li fl-2009, Gvern Nazzjonalista kompletament injora rakkomandazzjonijiet mill-Qorti biex jissaħħaħ is-settur tal-kostruzzjoni.
Dan kollu ħareġ waqt dibattitu fil-programm ‘Xtra’, imxandar fuq l-istazzjon nazzjonali t-Tnejn filgħaxija u li ttratta l-eżitu tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Id-dibtattu seħħ bejn il-Ministru Silvio Schembri u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jerome Caruana Cilia. Kien hawn li Schembri espona l-fatti proprja dwar l-inkjesti pubbliċi u l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol f’pajjiżna lil hinn minn dak li jgħid il-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Schembri beda billi spjega kif fl-istorja ta’ pajjiżna saru biss tliet inkjesti pubbliċi kollha taħt Gvern Laburista. Dan filwaqt li fi 22 sena 81 persuna tilfu ħajjithom.
Qal, “Fi 22 sena kellna 81 imwiet. Qatt saru inkjesti pubbliċi? Għax illum il-Partit Nazzjonalista qisu ra d-dawl fl-Oppożizzjoni li nitolbu l-inkjesti pubbliċi.”
Hawn il-Ministru Schembri elenka numru ta’ eżempji minn dawn l-inċidenti taħt Gvern Nazzjonalista fejn qatt ma saru inkjesti pubbliċi dwarhom.
Qal, “Saru inkjesti pubbliċi meta mietu disa’ ħaddiema fit-Tarzna? Forsi eventwalment konna naraw aktar x’seta’ jiġri, x’seta’ sar tajjeb u xi stajna nbidlu? Saru inkjesti pubbliċi meta tliet ħaddiema tal-Gvern mietu meta kienet qed issir ħidma fid-drenaġġ fiċ-Ċirkewwa u mietu għax ma kellhomx ilbies protettiv ipprovdut mill-Gvern. Saru inkjesti pubbliċi meta kien hemm persuna mietet fil-kustodja tal-Pulizija u ntfew il-cameras.”
Schembri saħansitra indirizza l-għajta tal-Partit Nazzjonalista biex jirriżenjaw Ministri ta’ Gvern Laburista b’rabta mal-inċident ta’ Sofia.
Filwaqt li elenka kif numru ta’ persuni diġà refgħu responsabbiltà u rriżenjaw mill-kariga, Schembri esponsa kemm il-Partit Nazzjonalista hu misinformat meta jitlob għal riżenji politiċi, hekk kif persuna partikolari li ssemmi l-inkjesta u li rriżenjat, kienet appuntata minn Gvern Nazzjonalista.
Minbarra hekk, Schembri wkoll irrefera għall-fatt li ħmistax-il sena ilu, Gvern Nazzjonalista kien injora rakkomandazzjonijiet minn sentenza tal-Qorti Maltija, biex, fost oħrajn, il-kuntratturi jkunu regolarizzati u jogħla l-livell fis-settur.
Quddiem Caruana Cilia, li tul id-dibattitu m’għamel xejn ħlief rrepeta kliem il-Kap Bernard Grech, Schembri ċċara wkoll min jinkludi l-Kumitat ta’ Investiment fi ħdan il-Malta Enterprise, lil hinn minn dak li jgħid il-Partit Nazzjonalista.
Qal, “L-Investment Committee, skont il-PN, jappuntahom il-Ministru. Taf min huma l-Investment Committee? Dawn qed jgħidu li huma xi bażużli ta’ Gvern Laburista u dawn l-affarijiet. L-Investment Committee magħmul mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ, mill-President tal-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar, rappreżentant tal-Union tal-Ħaddiema, rappreżentant tal-industrija, li ilu snin jaħdem fl-industrija, u rappreżentant wieħed tal-Gvern minn ħamsa. Nisperaw li issa mhux qed ngħidu li ċ-Chamber of Commerce u l-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar xi nies appuntati minn Gvern Laburista, għax intom qed tgħidu sfiduċja sħiħa f’dawn l-entitajiet. Issa meta tmorru tistidnuhom d-Dar Ċentrali tal-PN għidulhom ‘intom ma tafux x’qegħdin tagħmlu u għandkom tirriżenjaw kollha’.”