Fi tmiem is-sitt plenarja tat-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja FATF taħt il-Presidenza Ġermaniża ntqal li Malta ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tindirizza strateġikament ir-rakkomandazzjonijiet li sarulha.
Din l-analiżi teknika wasslet biex il-plenarja tal-FATF aċċettat ir-rakkomandazzjoni li ssir żjara f’Malta biex tikkonferma dan il-progress.
Din il-verifika, imsejħa on-site visit mid-delegazzjoni tal-FATF hi meqjusa bħala parti mill-istadju finali f’dan il-proċess.
L-FATF innutat li Malta wettqet numru ta’ riformi fosthom it-tisħiħ tal-intelliġenza finanzjarja biex din tkun t’appoġġ għall-awtoritajiet konċernati li jkunu qed jinvestigaw każijiet ta’ ħasil ta’ flus u evażjoni tat-taxxa.
L-FATF irrimarkat l-impenn politiku tal-Gvern Malti f’Ġunju li għadda meta l-FATF iddeċidiet li Malta tkun fi proċedura t’aktar moniteraġġ.
Quddiem dan l-iżvilupp notevoli mill-FATF, il-Gvern Malti nnota din id-deċiżjoni filwaqt li saħaq li qed jimpenja ruħu li jibqa’ jaħdem favur standards ogħla.