Meta qed nikteb se jkunu għaddew ħamest ijiem u nagħti daqqa t’għajn ħalli nara min hu dak li tela’ minn by-election mis-siġġijiet doppji tal-Partit Nazzjonalista u qed jirreżenja ħalli postu jieħdu Adrian Delia.
Fl-entużjazmu stennejt li l-għada li joħroġ ir-riżultat tal-votazzjoni se jkun hemm it-tħabbira tas-sagrifiċċju supreme għas-salvatur il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Niftakar meta Karmenu Mifsud Bonnici daħal fil-Parlament u kif kien sar kollox verament mingħajr sulluzzu. L-istess meta Joseph Muscat li kien membru parlamentari fl-Ewropa kien se jħalli s-siġġu tiegħu fi Brussels u jieħu siġġu fil-Parlament Malti.
Meta fetah il-Parlament Joseph Muscat kellu kollox lest fl-1 ta’ Ottubru wara l-vaganzi. U kulhadd kien jaf li Joseph Cuschieri kien se jċedi s-siġġu tiegħu fuq San Ġiljan biex jidħol Joseph. Anzi Joseph Muscat bħas-soltu kellu għaqal kbir. Qabel waħħal f’rasu li jitfa’ n-nomina tiegħu kien diġa tkellem ma’ Joseph Cuschieri li offrielu s-siġġu mingħajr ebda kundizzjonijiet u barumbati minn wara l-kwinti.
S’issa ssemmew tnejn li kienu se jagħtu s-siġġu. Imma jidher li xejn ma ġara. Fl-elezzjoni tal-papiet jgħidu “daħna sewda”. U fl-20 ta’ Settembru fuq il-fosos daħna sewda kien hemm.
L-ebda membru tal-parlament daħal kif daħal ma jista’ xi ħadd jgħidlu rriżenja. U għalhekk l-uniku mod ċert biex jista’ jieħu siġġu huwa li jċedi xi ħadd li tela’ minn by-election. Għax imbagħad ma terġax issir by-election oħra, imma issir “co-option” jiġifieri l-partit li jkun tilef dak il-membru jagħzel wieħed hu u mhux neċessarjament minn fuq l-istess distrett.
Wieħed ikollu jgħid li forsi jitwebbel Godfrey Farrugia, imma jidher li m’għandux wisq aptit, għalkemm il-voti li bihom tela’ huma ta’ nazzjonalist per eċċellenza (naturalment eċċellenza għax it-tifel tal-ex Eċċellenza Tiegħu). Imma Marlene diġa’ tat il-verdett tagħha fuqu ! Qalet li hu l-bekkamort tal-partit nazzjonalista ghax se jwasslu għad-difna. U mhux se tagħtih is-siġġu tar-raġel.
Jidher li l-membri kollha qed iżommu sod mas-siġġijiet. “Fasten your seat belts” harġet l-ordni. Fuq facebook page tiegħi ktibt li forsi għax qed jaħsbu li qed itiru u tilgħin ‘l fuq, imma aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed naħseb li qed jistennew it-turbulenzi u l-air pockets.
Tista’ tiġi s-sitwazzjoni kostituzzjonali li l-Kap tal-Opposizzjoni jkun membru li hemm fil-parlament u mhux il-kap tal-partit. Jekk Adrian Delia jibqa’ bla siġġu, il-President irid jaħtar kap tal-Oppożizzjoni.
Naraw nispiċċawx b’Simon Busuttil bħala kap tal-oppożizzjoni.
Nieqaf hawn imma ma ndumx ma nerġa’ nikteb fuq il-gideb, u l-qawl Malti li l-giddieb għomru qasir……