Il-kumpanija tax-xorb, Farsons irrapporta qligħ ta’ qabel it-taxxa ta’ €12.3 miljun.
Fi stqarrija Simonds Farsons Cisk plc li fost l-oħrajn magħruf li tipproduċi l-birra, ħabbret ir-riżultati finanzjarji għas-sena li ntemmet f’Jannar li għadda.
Farsons qalet li f’ambjent ta’ suq dinamiku ferm u li dejjem qed isir aktar impenjattiv, id-dħul tjieb b’4% fuq is-sena ta’ qabel, u issa laħaq il-€103 miljuni.
Spjegat li ż-żidiet fid-dħul kienu fis-setturi tal-birer u tax-xorb tal-grupp, kif ukoll minn tkabbir b’saħħtu fis-settur tal-bejgħ tal-ikel.
Iċ-Chairman tal-Grupp Farsons Louis Farrugia qal li s-saħħa eżistenti tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Grupp Farsons u l-varjetà tal-prodotti ewlenin tagħna, flimkien mal-miżuri li qed jittieħdu mill-amministrazzjoni matul żmien bħal dan bla preċedent, se jiżguraw ir-reżiljenza tal-kumpanija.
Farsons qalet li fl-interess fit-tul tan-negozju, ma jkunx prudenti li jkun propost dividend finali f’dan iż-żmien.