Il-kumpanija massiċċa Farsons irrimarkat li żammet il-ħaddiema kollha magħha minkejja sfidi kbar kawża tal-imxija.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Farsons Group Norman Aquilina ċaħad bil-qawwa rapporti li kien hemm xi sensji u insista li l-ebda ħaddiem ma tilef ħobżu minħabba l-pandemija.
Dan qalu mal-gazzetta Business Today.
Il-kumpanija, bħal oħrajn, fosthom dawk li jipproduċu l-birra kellhom tnaqqis fid-dħul.
F’pajjiżna n-nuqqas ta’ avvenimenti u l-festi tradizzjonali fis-sajf minħabba l-imxija kienu fatturi li wasslu għal dan iżda l-grupp ta’ Farsons, stabbilit għal snin twal f’pajjiżna baqa’ reżiljenti u żamm il-ħaddiema kollha.
Is-Sur Aquilina qal li l-kumpanija użat l-għaqal tagħha fejn naqset ċertu nefqa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons semma wkoll li għajnuna li ta l-Gvern fosthom bil-Covid-Wage Supplement.
Is-Sur Aquilina qal li b’din il-miżura ġie assigurat li l-ebda persuna ma tkeċċiet minn ma’ Farsons.
Aktar qabel, il-Kumpanija Maltija Simonds Farsons Cisk qalet li l-miżuri tal-Gvern b’rabta mal-pandemija u anki b’parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li kien ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela f’Ġunju kienu t’għajnuna kbira għaliha.
Dan fi sfond li l-kumpanija għamlet qligħ nett ta’ miljun u sitt mitt elf ewro fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena.
Il-kumpanija kienet nnutat kif l-impjegati tagħha gawdew mill-miżura t’għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi tal-ħaddiema.
Kif kien previst għal ħafna negozji, Farsons naqqset il-profitt meta mqabbel ma’ dak tas-sena li għaddiet iżda xorta għamlet qligħ f’dan iż-żmien tal-pandemija.
Farsons issa xorta għadha kawta imma qed tħares lejn il-ġejjieni bl-istess attitudni li tkun viġilanti u tassigura il-vijabilità finanzjarja tal-kumpanija.