Heritage Malta qed torganizza l-attività unika u oriġinali għal żmien il-karnival, Il-Qarċilla, fil-Forti Sant’Anġlu. Din l-attività qed issir bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Universitá ta’ Malta, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Kumitat tal-Karnival.
Il-Qarċilla hija farsa li sa mitt sena ilu kienet għadha ssir fil-Karnival tal-Belt, u kienet popolari fl-irħula Maltin. Jispikka fiha raġel liebes ta’ nutar u maġenbu jkollu l-għarajjes. In-nutar jaqralhom il-kuntratt taż-żwieġ, kitba mqabbla mimlija satirika u botti. In-nies jogħxew jisimgħu lin-nutar u xi drabi l-kitba ma ddoqqx tajjeb għal widnejn kulħadd. Xi siltiet igħoddu għal udjenza matura.
Il-Qarċilla se ssir fil-Forti Sant’Anġlu nhar it-Tnejn 27 ta’ Frar fis-7.00pm. Il-programm jinkludi taħdita minn Dr Olvin Vella dwar l-istorja u l-kultura tal-qrieċel antiki, u wara li tittella’ l-Qarċilla se jsir riċeviment żgħir. Il-Qarċilla ta’ din is-sena reġgħet ingħatat temi iktar kurrenti. L-edizzjoni ta’ din is-sena nkitbet minn Immanuel Mifsud, bi produzzjoni ta’ Joseph Galea.
L-attivitá hija miftuħa għal udjenza ‘il fuq minn 18-il sena. Il-biljetti huma €15 u €12 għall-membri ta’ Heritage Malta u jistgħu jinxtraw mis-siti kollha ta’ Heritage Malta u online.