Fil-Belt a ġiet imnedija l-Malta La Vallette Marathon, liema maratona se ssir fl-erbgħa u għoxrin t’April tas-sena d-dieħla.
Din il-maratona hija maħsuba biex tiċċelebra l-ħajja u l-kisbiet tal-Gran Mastru La Vallette, u hija mmirata biex tattira niċċa turistika marbuta mal-isport, filwaqt li tħeġġeġ l-attività fiżika fost il-Maltin.
Waqt it-tnedija tal-maratona, ġie spjegat li din il-maratona se ssir f’żewġ verżjonijiet, dik ta’ maratona sħiħa ta’ tnejn u erbgħin kilometru, u oħra b’nofs dik id-distanza, li se jmissu l-lokalitajiet ta’ San Ġiljan u l-Kottonera fost l-oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima stqarr li dan l-avveniment juri l-impenn tal-Gvern lejn l-isport u fakkar fit-tħejjijiet ta’ pajjiżna hekk kif is-sena d-dieħla se nilqgħu l-Iogħob tal-Ispecial Olympics.
Stqarr li l-maratona mhix immirata biss lejn atleti professjonali: “Qed nattiraw anke dawk li huma qegħdin jibdew. Allura se nkomplu naħdmu sabiex inkomplu ngħollu l-livell sportiv ġewwa pajjiżna billi nagħtu aktar opportunitajiet lill-komunità lokali sabiex tikkompeti fuq xenarju li huwa b’laqta u xejra internazzjonali. Barra minn dan kollu se nippruvaw dejjem inħajru aktar nies sabiex jersqu ‘l quddiem għal dawn it-tip t’inizjattivi sportivi.”
Intant, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo sostna kif il-maratona se żżewweġ il-kunċetti ta’ sport u turiżmu, u qal li l-atleta barrani li se jżur lil pajjiżna, se jkollu wkoll togħma tal-kultura Maltija.
Huwa żied jgħid li x-xogħol qiegħed isir biex tiġi rreklamata l-maratona, sabiex fil-futur din tkun waħda li ssir kull sena.
Il-Ministru nnota wkoll li l-ħidma tal-Gvern li saret is-sena l-oħra għall-irkupru tat-turiżmu, diġà qiegħda tħalli l-frott: “Diġà bdejna naraw ir-riżultati mill-pjan ta’ rkupru għas-settur tat-turiżmu ta’ pajjiżna. Jirriżulta li matul ix-xhur tas-sajf kellna mija u għoxrin fil-mija differenza fl-iljieli li qattgħu t-turisti f’pajjiżna meta wieħed iqabbel mas-sena li għaddiet.”