F’April li ġej il-kaċċaturi se jkunu jistgħu jerġgħu jipprattikaw id-delizzju tal-kaċċa tal-gamiema wara nuqqas ta’ diversi snin.
Il-kumitat Ornis irrakomanda lill-Ministru sabiex jiftaħ staġun tal-kaċċa bi kwota għall-gamiema u s-Summiena, bil-Federazzjoni Kaċċaturi Konservazzjonisti u Nassaba faħħret il-politika soda tal-Gvern f’dan ir-rigward.
Qal, “Grazzi wkoll għax sibna Gvern b’rieda politika soda li semagħna u fehmna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia fakkar ukoll kif il-kaċċaturi u n-nassaba kienu ġew ingannati minn Gvern Nazzjonalista.
Qal, “Ma nistax ma mmurx lura għall-2004 meta wissejna li bis-sħubija fl-UE konna se nitilfu t-tradizzjoni tal-kaċċa u l-insib. Fl-istess waqt l-ogħla awtoritajiet lokali, flimkien mal-qerq tan-negozjatur fuq il-kaċċa u l-insib kienu qegħdin jgħidu l-kontra, saħansitra għajruna giddibin u xewwiexa. Illum il-kaċċaturi u nassaba żgur jafu min kien qiegħed jigdeb.”
L-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem se jkun qed jiftaħ bejn is-sbatax u t-tletin t’April fuq kwota ta’ 1,500 gamiema. Fl-istess waqt l-istaġun tal-kaċċa għas-summien se jiftaħ bejn l-10 u t-30 t’April fuq kwota ta’ 2,400.
Il-President tal-FKNK Lucas Micallef spjega kif tul dawn l-aħħar snin, l-FKNK ħadmet qatigħ sabiex kattret il-popolazzjoni tal-gamiem fis-selvaġġ wara programm ta’ trobbija fil-magħluq mill-membri tal-FKNK.
Qal, “Biex xogħol li sar b’rieda u determinazzjoni – il-bieraħ il-kumitat Ornis analizza u ħa vot biex jirrekomanda l-proposta lil gvern li daħlet l-FKNK fl-istess Ornis. Din id-deċizzjoni kienet ibbazata fuq riżultati ta’ ricerki xjentifiki, fuq fatti u kriterji li titlob d-direttiva tal-Għasafar – biex b’hekk il-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa terġa tiġi atwata u pratikata f’parametri sostenibbli.” Lucas Micallef semma wkoll numru kbir ta’ inizjattivi ambjentali li ħadet ħsiebhom l-FKNK fosthom it-trobbija tal-Barbaġan biex terġa’ titkattar il-popolazzjoni tiegħu fis-salvaġġ, stampar ta’ materjal edukattiv fl-iskejjel kollha, ftehim mal-għaqda tan-naħal biex ikun jista’ jitrabba n-naħal fil-Miżieb u l-Aħrax u kif ukoll it-tqassim ta’ numru kbir ta’ xitel indiġenu biex ikompli jitħaddar il-pajsaġġ Malti.