Fix-xahar ta’ April, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad minn post il-pajjiżi kollha fiż-Żona Ewro. Dan jirriżulta mill-aħħar ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, pajjiżna kellu rata ta’ qgħad ta’ 3.1%, li hi inqas minn nofs il-medja tar-rata fiż-Żona Ewro. Dan hekk kif iż-Żona Ewro rreġistrat 6.4% – differenza ta’ 3.3% iżjed minn dik ta’ Malta.
Minn dawn iċ-ċifri Ewropej ħareġ ukoll li r-rata tal-qgħad Maltija f’April hi ferm inqas minn dik f’pajjiżi li huma ekonomikament b’saħħithom, bħall-Ġermanja, il-Lussemburgu u Franza.
Fl-aħħar tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, li ġie ppubblikat fl-aħħar ġimgħat, ħareġ ukoll kif is-suq tax-xogħol f’pajjiżna se jibqa’ b’saħħtu, bir-rata ta’ qgħad tibqa’ fl-inqas livelli storiċi.
Dawn iċ-ċifri pożittivi ġew irreġistrati fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, bil-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani, li wasslu, fost oħrajn, għall-inflazzjoni qawwija u kriżi fil-qasam tal-enerġija.