F’April, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ aktar minn 700,000 passiġġier. Dan ifisser żieda ta’ 8.4 fil-mija fuq April tal-2019 – is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Ajruport Internazzjonali, fejn ġie nnutat li l-movimenti tal-passiġġieri ngħataw spinta bit-tnedija tal-iskeda l-ġdida għas-sajf u għall-vaganzi tal-Għid.
Intqal li l-ajruport Malti laqa’ s-700,000 passiġġier tiegħu aktar kmieni mis-soltu, meta mqabbel mas-snin qabel.
Fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid mill-mitjar Malti għaddew kważi 100,000 passiġġier.
Ħareġ li s-suq li l-aktar li xpruna l-akbar moviment tal-passiġġieri kien dak Taljan, u warajh kien hemm dawk mir-Renju Unit, Franza, u l-Ġermanja.
Intqal ukoll li Spanja, wara numru ta’ xhur, sabet postha bħala l-ħames l-akbar suq importanti għall-ajruport.
Dan it-titjib seħħ wara li ġew introdotti r-rotot ta’ Sevilja u Valenzja, waqt li żdiedet il-frekwenza tat-titjiriet lejn Barċellona.