Il-Prim Ministru Kanadiż ġdid, Mark Carney ħabbar li se jkun hemm kampanja elettorali ta’ ħames ġimgħat qabel iċ-ċittadini Kanadiżi joħorġu jivvutaw fit-28 t’April sabiex jintlew it-343 siġġu jew distrett fil-House of Commons.
F’kitba fuq il-mezzi soċjali, Carney qal li fi sfond tal-attakki fuq l-ekonomija mill-President Amerikan Donald Trump, il-gvern għandu bżonn mandat b’saħħtu u ċar fi żmien ta’ kriżi.
Carney, ħa post Justin Trudeau li kien ħabbar ir-riżenja tiegħu f’Jannar iżda baqa fil-poter sakemm il-Partit Liberali eleġġa kap ġdid fid-9 ta’ Marzu.
L-oppożizzjoni Konservattiva kienet qed tispera li tirbaħ l-elezzjoni peress li Trudeau kien naqqas mill-popolarità hekk kif għolew l-prezzijiet tal-ikel u d-djar u żdiedet l-imigrazzjoni iżda wara għexieren ta’ snin ta’ stabbiltà bilaterali, il-vot mistenni jkun iffukat fuq min hu l-aħjar sabiex jikkonfronta lil Trump.
S’issa Carney għadu ma tkellimx ma’ Trump u wisq probabbli mhux se jagħmel hekk qabel l-elezzjoni. Mark Carney, li għandu 60 sena, kien l-ewwel persuna mhux ċittadin tar-Renju Unit li fl-2013 mexxa l-Bank of England waqt il-kriżi ta’ Brexit. Kien ukoll il-kap tal-Bank of Canada waqt il-kriżi finanzjarja tal-2008.
Il-Kap tal-Partit Konservattiv Pierre Poilievre minn naħa tiegħu għandu karriera politika twila fejn wiegħed li se jpoġġi lill-Kanada l-ewwel. Huwa wiegħed ukoll li ma’ kienx jibqa’ jsostni finanzjarjament lix-xandir pubbliku Kanadiż u ma jippermettiex li persuni mill-qasam tal-midja jivjaġġaw fuq ix-xarabank jew ajruplani tal-kampanja tiegħu.