Familji Afgani qegħdin jidfnu lil uliedhom li nqatlu fi splużjoni li seħħet is-Sibt biswit skola sekondarja f’Kabul.
Aktar minn sittin persuna, il-maġġoranza tfajliet, inqatlu f’dan l-attakk li seħħ fil-ħin li l-istudenti kienu qed joħorġu mill-klassijiet.
Ħadd ma refa’ r-responsabbiltà għal dan l-attakk, li seħħ f’żona li normalment tkun attakkata minn Militanti Iżlamiċi.
Il-Gvern Afgan weħħel fil-Militanti Talibani imma l-grupp ċaħad l-involviment tiegħu f’dan l-attakk.
Bħal dan iż-żmien sena kien seħħ attakk fl-istess żona biswit sala tat-tqala, li kien ħalla erbgħa u għoxrin mara u tarbija mejta.