Studju ppubblikat fl-aħħar jiem mill-Bank Ċentrali juri kif, fin-nuqqas tal-politika tal-Gvern ta’ stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, il-familji bl-inqas dħul f’pajjiżna kienu jispiċċaw jiffaċċjaw għoli tal-ħajja li jkun id-doppju tal-bqija f’pajjiżna.
Dettalji mill-istudju fir-Research Bullettin annwali tal-Bank Ċentrali juri kif Malta kienet l-uniku pajjiż fejn il-prezzijiet tal-enerġija ma ntlaqtux mix-xokk internazzjonali kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Fil-fatt, ir-rapport jirrimarka kif, fl-aħħar snin, il-Gvern Malti nefaq 4.5% tal-ġid nazzjonali biex iżomm il-prezzijiet tal-elettriku, gass u fuels ilkoll stabbli. Dan is-sostenn ilaħħaq darba u nofs il-medja Ewropea.
Li kieku ma kienx hemm dan is-sostenn, il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna s-sena l-oħra kien ikun 1.2% inqas jew madwar €220 miljun inqas.
L-analiżi, li saret minn Noel Rapa, il-Maniġer tad-Dipartiment tar-Riċerka tal-Bank Ċentrali, tindika wkoll li kien jintilfu 1% tal-impjiegi kollha f’pajjiżna, jiġifieri madwar 3,000 persuna kienet tispiċċa bla xogħol.
Dan għax kien ikun hawn tnaqqis sinifikanti fil-konsum privat kif ukoll tnaqqis fl-investiment. Imma aktar importanti minn hekk, mingħajr din il-miżura, l-esportazzjoni kienet tbati u n-negozji ma kinux jibqgħu kompetittivi.
Ir-rapport jindika wkoll li r-rata tal-inflazzjoni kienet tkun 1.2% aktar milli fil-fatt kienet fl-2023. Dan il-piż l-aktar kien se jinħass minn familji bi dħul baxx, għax ras għal ras jikkonsmaw relattivament aktar enerġija minn familji bi dħul għoli u r-rata ta’ inflazzjoni għalihom kienet tkun 2% aktar minn dik osservata.
L-istudju jispjega kif 5% miż-żieda fil-piż tad-dejn nazzjonali kienet dovuta għall-politika tal-istabbilità fil-prezzijiet, li jfisser li kieku dan kien ikun madwar 45% tal-ġid nazzjonali jew fl-istess ilma tal-perjodu 2016-2019 meta pajjiżna kien qed jagħmel surplus fil-finanzi pubbliċi.
L-ekonomista tal-Bank Ċentrali jikkonkludi li “r-riżultati jindikaw li l-politika tal-Gvern Malti kienet suċċess biex issostni l-attività ekonomika nazzjonali”, filwaqt li jgħid li din kellha effett soċjali sinifikanti, għax tat protezzjoni qawwija lill-familji bi dħul baxx li, kieku, kienu jiffaċċjaw piżijiet qawwija bi tnaqqis sostanzjali fid-dħul disponibbli tagħhom.