Fiż-żona ewro, il-kontijiet tad-dawl għall-konsumaturi huma kważi terz aktar għoljin milli kienu sena ilu,
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta Kullħadd wara analiżi li saret b’rabta ma’ dan hekk kif ġie nnutat li filwaqt li f’Malta l-familji huma protetti minn żidiet qawwija fil-kontijiet tal-elettriku, dawk fil-bqija tal-Ewropa qed jaffaċċjaw piżijiet ferm kbar.
Fil-fatt, il-Kullħadd turi kif il-familja Ewropea sa sena ilu kellha kont tal-elettriku ta’ €50 fix-xahar. Madankollu issa qed taffaċċja kont ta’ €66 fix-xahar, jew piż aktar ta’ €16.
B’hekk jekk dan ikompli fuq medda ta’ sena, l-ispiża għall-istess familja Ewropea għall-kont tal-elettriku se tiżdied b’€191 jew €4 fil-ġimgħa.
Il-Kullħadd tgħid kif din l-istima hija ddeterminata minn ċifri li ħarġu mill-Ġermanja u Spanja. Dan minkejja li Gvernijiet Soċjalisti intervjenew u naqqsu mill-piż li qed jaffaċċjaw il-pajjiżi.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal pajjiżi oħra Ewropej bi Gvernijiet Liberali jew Konservattivi li poġġew il-piż kollu taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-gas u ż-żejt fuq il-familji.
L-Estonja hija eżempju ta’ dan. Dan hekk kif kont tal-elettriku li qabel kien jiswa €50 fix-xahar issa tela’ għal €123 fix-xahar.
Dan ifisser spiża ta’ €17 aktar fil-ġimgħa u żieda ta’ aktar minn €878 fis-sena.
B’hekk issa persuna fl-Estonja fuq il-paga medja saret tonfoq xahar sħiħ paga fis-sena fuq kontijiet tad-dawl, meta sa sena ilu kienet tonfoq anqas minn nofs dan l-ammont.
L-istess żidiet qawwija kienu osservati fl-Olanda, fejn il-kont li sa sena ilu kien €50, issa sar €109 fix-xahar. Dan ifisser piż ta’ aktar minn €700 fis-sena fuq familja fl-Olanda.
Anki Ċipru, il-Belġju, l-Italja u l-Ġreċja kont tad-dawl li sa sena ilu kien jigi €50 issa żdied għal bejn €70 u €90 fix-xahar.
Meta dawn iż-żidiet jingħaddu fuq perjodu ta’ sena, familja f’Ċipru tħallas aktar minn €245. Fil-Belġju €326, fl-Italja €440, Greċja €481.
Dan flimkien ma żidiet qawwija fil-prezz tal-fuel li jfisser li familji f’pajjiżi madwarna qed jaffaċċjaw piż aktar ta’ affarijiet essenzjali li jlaħħaq mal-eluf ta’ ewro aktar fis-sena.
Intant f’Malta dawn il-piżijiet qed iġorrhom b’mod totali l-Gvern. Minbarra li l-familji tagħna qed jiġu protetti b’dan il-mod dirett, minħabba li anke n-negozji fejn jaħdmu qed ikunu protetti, dan qed iwassal biex l-impjieg u l-pagi tal-ħaddiema tagħna qed jiġu ssalvagwardjati.
Il-Kullħadd temmet tgħid kif dan jispjega għalfejn f’pajjiżna l-qgħad għadu jonqos xahar wara xahar, filwaqt li l-ekonomija hija prevista li tikber b’aktar minn 5% din is-sena jew bid-doppju tal-medja Ewropea.