Sid razzett tan-nagħaġ f’Għajn Riħana rrapporta lill-kandidat Nazzjonalista Peter Agius għand il-Pulizija, dwar rapport falz li dan għamel lill-istituzzjoni Ewropea għal kontra l-frodi, l-OLAF.
Irrapportat dan il-gazzetta Times of Malta li qalet li Kurt Buhagiar ressaq protest ġudizzjarju kontra Agius fejn ingħad li r-rapport li Agius għamel dwaru dwar allegat frodi ta’ fondi Ewropej kien falz. Buhagiar qed iżomm ukoll lil Agius responsabbli tal-konsegwenzi u l-ħsarat li jista’ jġarrab minħabba dan ir-rapport falz.
Agius kien allega li l-post ma kienx qed jintuża bħala razzett, madankollu wara żjara li t-Times stess għamlet f’Marzu li għadda fil-post, kien instab li dan tassew qed jintuża għat-trobbija tan-nagħaġ u fih kellu madwar mitt nagħġa.
Il-kandidat Nazzjonalista, li fl-aħħar jiem ukoll inqabad li qaleb il-vot tiegħu fuq post inabitabbli fil-Mosta, kien allega wkoll li Buhagiar uża madwar tliet mija u sittin elf ewro minn fondi Ewropej biex jibni villa fil-post, minkejja li applika biex jagħmel razzett tan-nagħaġ.
It-Times kompliet tispjega li, skont dokumenti li ra, il-faċilità tan-nagħaġ hi liċenzjata u bin-nagħaġ kollha rreġistrati mal-Veterinarju tal-Gvern.
Fil-ħarġa tal-Erbgħa, il-ġurnal kompla jżid li, fil-protest ġudizzjarju, Buhagiar qal li l-OLAF ukoll għamlu żjara fir-razzett biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ Agius u raw b’għajnejhom li dak li qal Agius ma kien xejn ħlief gideb.