Is-Segretarjat Parlamentari għar-riċerka, innovazzjoni, żgħażagħ u sport ippubblika l-ftehim tal-korsa taż-żwiemel tal-Marsa li sar bejn il-Gvern u l-konsorzju . B’referenza għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarjat qal li m’għandu ebda problema jippubblika l-ftehim li sar.
Is-Segretarjat ura d-diżapprovazzjoni tiegħu għal kif l-Oppożizzjoni reġgħet ħadet l-okkażjoni biex toħloq dubji dwar proġett ieħor ta’ investiment li minnu se jgawdi l-poplu Malti, partikularment ir-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Dan il-proġett se jara li dawk li jagħmlu użu mill-korsa taż-żwiemel fil-Marsa, fosthom id-dilettanti tat-tiġrijiet tat-trott u tal-galopp, tal-logħob tal-polo u ta’ sport ekwestri ieħor, jibqgħu jgawdu mid-drittijiet kollha li diġà jgawdu minnhom, filwaqt li se tittejjeb il-faċilità b’manutenzjoni aktar professjonali u fl-istess waqt se jiżdiedu l-premji tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-ħsieb hu li l-faċilità tattira aktar kompetizzjonijiet sportivi ta’ livell li fihom jistgħu jieħdu sehem id-dilettanti Maltin.
Din se tkun opportunità biex id-dilettanti jkollhom kompetizzjoni denja u li tixraq lill-isport tagħhom u minflok ikollhom ta’ bilfors imorru barra minn Malta biex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet ta’ ċertu livell, dawn jinġiebu f’pajjiżna.
Għall-kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni – li l-investituri huma spekulaturi tal-bini – il-ftehim jorbot lill-investituri li l-bini kollu għandu jkun relatat mal-isport. Is-Segretarjat serraħ ras l-Oppożizzjoni li l-interess tad-dilettanti taż-żwiemel minn dejjem tpoġġa fuq quddiem u hekk se jibqa’ jsir. L-istqarrija tal-PN, fi kliem is-Segretarjat, turi biċ-ċar li l-Oppożizzjoni trid ittellef dan il-proġett milli jiġi realizzat.
Tajjeb li wieħed ifakkar li l-Oppożizzjoni kellha l-istess ħsieb li tipprivatizza l-korsa taż-żwiemel fil-Marsa fl-2011, liema sejħa m’attirat l-ebda interess.
Il-ftehim ippubblikat mis-Segretarjat:
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/04/ftehimmarsa.pdf”]