Tissokta s-saga dwar min se jinħatar fl-ogħla kariga amministrattiva tal-Parlament Ewropew,dik ta’ Segretarju Ġenerali, minn Jannar li ġej.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-ġurnali Ewropej irrappurtaw fuq ftehim li sarwara bibien magħluqin biex nies minn gruppi politiċi fil-PE jingħataw pożizzjonijiet għoljin b’pagi tajbin ħafna f’direttorat ġenerali li allegatament inħoloq apposta sabiex dawk il-gruppi politiċi jappoġġjaw għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali lit-Taljan Alessandro Chiocchetti. Chiocchetti huwa ċ-chief of staff tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.
Il-ġurnal influwenti Politico qed jirrapporta li b’kollox hemm ħames kandidati li applikaw. Minnhom, tlieta huma kandidati interni, mill-PE stess: Leena Linnus, Jaume Duch, Agnieszka Walter-Drop. Applika wkoll xi ħadd minn barra l-PE u, kif kien mistenni, iċ-chief of staff tal-President tal-Parlament, Roberta Metsola.
Il-Politico rrimarka li l-fatt li t-tliet kandidati interni minbarra Chiocchetti bħalissa huma diretturi ġenerali fil-PE stess, li jfisser li għandhom esperjenza maniġerjali ta’ tmexxija ta’ eluf ta’ impjegati, se jagħmilha diffiċli għall-Bureau tal-PE biex iwarrabhom qisu xejn mhu xejn.
Il-Politico janalizza x’seta’ wassal biex Alessandro Chiocchetti, li s’issa kien meqjus bħala l-midluk biex jilħaq Segretarju Ġenerali bħala parti minn ftehim minn wara dahar kulħadd, issa jsib ruħu b’din il-kompetizzjoni.
Il-ġurnal isib spjegazzjoni potenzjali fis-sitwazzjoni politika ta’ bħalissa fl-Italja, fejn l-alleati politiċi ta’ Chiocchetti – Antonio Tajani u Silvio Berlusconi tal-Forza Italia – qed iħejju biex jingħaqdu fi gvern ta’ koalizzjoni li x’aktarx ikun immexxi minn Giorgia Meloni, tal-partit neofaxxista Fratelli d’Italia. Mhux hekk biss: minn din l-alleanza jagħmel parti wkoll Matteo Salvini, li esprima l-ammirazzjoni tiegħu għall-President Russu Putin u li f’Mejju li għadda kellu jħassar pjan għal żjara r-Russja ffinanzjata minn Moska.
L-analisti tal-Politico jirrimarkaw li huwa żgur li, wara l-elezzjoni fl-Italja, din l-alleanza li mistennija tifforma l-gvern il-ġdid se toħloq tensjonijiet ġodda fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Kritiċi qed jgħidu li dawn l-aħħar żviluppi poltiċi fl-Italja issa jistgħu jaffettwaw ħażin il-pjan li nħema minn taħt biex Chiocchetti jingħata t-tmun tal-PE fi jdejh.
“Jista’ jkun li dik kienet ir-raġuni għaliex it-tmexxija tal-istituzzjoni għaġġlet bil-proċess tal-ħatra tas-segretarju ġenerali l-ġdid, billi ffissat l-1 ta’ Awwissu bħala d-data fil-qrib ħafna sa meta setgħu jintlaqgħu l-applikazzjonijiet?” jistaqsi l-Politico, b’referenza ċara għall-President tal-PE Metsola.