Għawdxi, li qed jiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs wara li ammetta li ttraffika kilo u nofs reżina tal-kannabis, qed jallega li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu minħabba nuqqasijiet min-naħa tal-faċilità korrettiva ta’ Kordin.
F’protest ġudizzjarju kontra l-awtoritajiet, Christopher Bartolo mill-Fontana, saħaq li l-kilwa li kien irċieva bi trapjant fallietlu għaliex il-ħabs ma ngħatax mediċina li kellu bżonn bħala pazjent tat-transplant.
Huwa allega wkoll li ma ngħatax il-kura medika neċessarja u l-ikel addattat għall-kundizzjoni tiegħu. Kilwa li Bartolo, ta’ 36 sena irċiviha, fl-2014 u li ppermettitlu jsib xogħol u jibni familja, qabel ma weħel is-sentenza ħabs u multa ta’ ħmistax-il elf ewro f’April li għadda wara li ammetta għall-akkużi ta’ traffikar u pussess tad-droga biex jevita li jgħaddi minn ġuri.
Il-qorti kienet innotat li għalkemm il-kannabis kienet użata minnu biex ittaffi l-uġigħ tal-mard fil-kliewi u biegħha biex isostni lilu nnifsu peress li tilef l-impjieg tiegħu minħabba nuqqas ta’ mobilità, il-liġi inkisret u l-azzjonijiet tiegħu mhux ġustifikati.