Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, xejjen għal kollox il-fake news li jipprova jimbotta d-Deputat u Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, dwar il-kriminalità fil-gżira, intiżi biex joħolqu d-dwejjaq u l-biża’.
Gafà għamel dan waqt intervista mas-sit Lovin Malta fejn proprju ġie mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet li kontinwament jagħmel id-Deputat Għawdxi.
Fil-fatt, il-Kummissarju tal-Pulizija xejjen dawn l-allegazzjonijiet b’fatti u ċifri li ma jista’ jmerihom ħadd.
Il-Ġurnalist qal, “So why is Alex Borg saying this?”
Gafà wieġbu, “Ħa niffoka fuq Għawdex issa, għax il-mistoqsija tiegħek speċifikament fuq Għawdex, u jien ġibt ftit statistika miegħi. Is-serq is-sena l-oħra f’Għawdex kien ta’ 199. Din kienet it-tielet l-inqas rata fl-aħħar 20 sena. Taf meta kienu l-aħjar tnejn? Is-sena ta’ qabel u s-sena ta’ qabel. 2020 u 2021.”
Angelo Gafà saħansitra qabbel il-każi ta’ serq fil-gżira s-sena l-oħra ma’ dik ta’ żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
Qal, “Kieku ngħidlek fl-2006 kemm kellna serq f’Għawdex, kellna 332. Fl-2006 meta l-popolazzjoni f’Għawdex kienet inqas multikulturali u kienet inqas, b’mod ġenerali.”
Din ix-xejra tfeġġ ukoll b’rabta ma’ każi ta’ serq mir-residenzi hekk kif il-Kummissarju tal-Pulizija nnota li fl-2008 kien hemm id-doppju u nofs każi ta’ dawk li kien hemm is-sena li għaddiet.
Qal, “Jekk nitkellmu fuq serq mir-residenzi, is-sena l-għaddiet kellna 14. L-inqas rata fl-aħħar 20 sena. Fl-2008 kellek 39, tajjeb, id-doppju u nofs ta’ kemm kellna serq mir-residenzi f’Għawdex is-sena l-oħra.”
Kien hawn li Angelo Gafà rrimarka ż-żieda fir-riżorsi għal Għawdex biex b’hekk bil-fatti xejjen ukoll l-allegazzjoni li Għawdex għandu inqas.
Qal, “Anke din il-perċezzjoni li Għawdex hemm inqas riżorsi minn qatt qabel hi żbaljata tajjeb. Biss biss Għawdex għandek għall-ewwel darba t-tielet spettur illum il-ġurnata. Tradizzjonalment Għawdex kellek żewġ spetturi, illum il-ġurnata għandek tliet spetturi.”
Sadanittant, il-Kummissarju tal-Pulizija rrimarka li l-Korp tal-Pulizija jrid jaħdem aktar biex jiddistingwi l-perċezzjonijiet mir-realtà, speċjalment f’dinja ddominati mill-midja soċjali.
Qal, “Din hi realtà llum il-ġurnata. Illum għandek is-social media li tamplifika r-realtà on the ground, allura anke bħala Korp, aħna rridu naħdmu aktar biex niddistingwu facts from perception.”