Fil-pjazza li f’inqas minn xahrejn oħra tinbidel f’dinja maġika għall-familja kollha għal żmien il-Milied, tnediet edizzjoni oħra ta’ Fairyland Santa’s City.
Fil-fatt, għal sena oħra, mi-8 ta’ Diċembru sas-7 ta’ Jannar, Pjazza Tritoni se tinbidel fil-“belt ta’ Santa Klaws”, biex b’diversi attivitajiet u barrikati tal-ikel, iddaħħal lil kull min jgħaddi mit-toroq tal-madwar fl-atmosfera tal-Milied.
Din l-attività ilha ssir diversi snin u kull sena tattira eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti.
F’konferenza tal-aħbarijiet li rat it-tnedija ta’ dan l-avveniment, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li qed iħabbar dan l-avveniment, wara sajf sħiħ ta’ attivitajiet tal-ogħla livell li raw l-attendenza ta’ għexieren ta’ eluf ta’ nies li kisru kull rekord.
Fost dawn semma l-BBC Orchestra, l-Isle of MTV, il-kunċerti ta’ Robbie Williams u Andre Rieu, u Summerdaze.
Innota wkoll kif l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kienu l-aqwa f’kull żmien, b’ċifri li huma aħjar minn tal-2019 – li kienet sena rekord qabel il-pandemija.
Ġimgħat qabel jibdew it-tħejjijiet fi Pjazza Tritoni għal edizzjoni oħra ta’ Fairyland, huwa awgura kull suċċess għall-attività ta’ din is-sena u qal li kull min se jżur il-Belt fi żmien il-Milied, għandu jgawdi minn affarijiet li ntogħġbu sew fil-passat u aspetti ġodda li se jqanqlu kurżità u interess din is-sena wkoll.