Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ipprova jitkellem fuq l-edukazzjoni, iżda biex għamel hekk reġa’ ġab il-fatti ħżiena.
Skont hu, meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, l-iskejjel madwar il-pajjiż kien ikollhom klassijiet b’sitt studenti biss, fejn allura, skont Grech it-tgħalim kont tieħdu qisek qiegħed il-privat.
Qal, “Kien ikun hemm sitta, tmienja, għaxar t’itfal ġo klassi. U l-edukatur kellu ċ-ċans jiddedika l-ħin tiegħu għal kulħadd. Kważi privat.”
Iżda, kull darba Bernard Grech jinsa li dak li jgħid faċilment wieħed jista’ jiċċekkjah.
Kif reġa’ għamel ONE NEWS.
F’tagħrif tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, jirriżulta li, fi żmien Gvern Nazzjonalista, il-klassijiet kienu akbar minn dawk ta’ bħalissa.
Fil-fatt, fl-Ewwel Sena kien hemm medja ta’ għoxrin student f’kull klassi, mentri fis-Seba’ Sena sa kien hemm aktar minn tnejn u għoxrin student. Jew kważi erba’ darbiet dak li sostna Bernard Grech.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna wkoll, b’mod żbaljat, li llum fil-klassijiet hemm sa tlieta u tletin student.
Bil-maqlub, statistika maħruġa mill-NSO fil-ħamsa u għoxrin ta’ Ottubru ta’ din is-sena tindika li bħala medja l-ammont ta’ studenti jvarja minn sbatax fl-Ewwel Sena għal għoxrin fit-Tmien Sena.
Dan ifisser li l-Kap tal-Oppożizzjoni kważi rdoppja l-ammont ta’ studenti li verament hemm fil-klassijiet tal-Gvern bħalissa, biex mingħalih jargumenta li taħt GonziPN s-sitwazzjoni edukattiva f’pajjiżna kienet aħjar.
Iżda l-fatti jmeruh. U jmeruh l-aktar, għax kien hemm żieda qawwija fl-ammont ta’ għalliema mill-elfejn u tlettax ’il hawn.
Fil-fatt minn 8,210 edukaturi fi żmien Gvern Nazzjonalista, issa hemm 10,200 edukatur.
Dan ifisser żieda ta’ kważi 25% fl-ammont ta’ għalliema. Fil-Primarja u s-Sekondarja llum hemm madwar disgħa u erbgħin elf (49,000) student, li jfisser madwar 2,000 aktar 2012.
Dan ifisser li, waqt li l-ammont ta’ għalliema żdied b’25%, dak tal-istudenti żdied b’inqas minn 5%.
Sadanittant, f’mument ta’ negozjati u f’mument fejn l-unjins tal-għalliema attakkaw lil xulxin, Bernard Grech reġa’ rrepeta l-gidba li l-għalliema qed jiġu offruti dak li sejjaħ “iċ-ċiċċri”.
Dan meta kemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, kif ukoll il-Prim Ministru, Robert Abela, innifsu kkonfermaw li l-pakkett ta’ żidiet hu sostanzjali u saħansitra akbar minn dak li ngħataw fl-elfejn u sbatax.
U Bernard Grech reġa’ sostna li Gvern Laburista qed jagħti biss lagħqa żebgħa lill-iskejjel. Dan meta din is-sena beda jitgawda investiment miljunarju fi tliet skejjel ġodda u estensjoni b’faċilitajiet state-of-the-art f’Santa Luċija.