Waqt ir-rally f’Kordin, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela mhux biss tkellem dwar il-kisbiet li għamel il-Partit Laburista tul is-snin, iżda wkoll elenka għal żminijiet diffiċli – fejn quddiem il-forzi tal-firda, l-għaqda tal-Partit Laburista, tkompli tissaħħaħ bil-qawwa.
Sostna li sakemm tibqa’ tħabbat il-qalb Laburista – il-Partit Laburista jibqa’ jkun it-tarka taż-żgħir.
Huwa rrimarka kif il-Partit Laburista ħoloq il-ġid għan-nies.
“Ħaddieħor tefa’ fil-friża l-pensjonijiet, u żied bis-snin l-età tal-irtirar u l-bolla, u aħna f’ħames snin biss investejna aktar minn ħames biljun ewro fil-pensjonijiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru rrefera għall-isfidi li ffaċċja l-pajjiż, fosthom tal-pandemija, u kif f’dawk is-snin kellhom jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi.
Qal li l-Partit Laburista mhux biss żamm mal-wegħdiet elettorali – iżda fi tliet baġits, dawn diġà twettqu b’aktar minn dak prevvist.
Semma wkoll l-ikbar tnaqqis tat-taxxa fl-istorja, bil-miżura tat-tax cut li tħabbret fil-Baġit għal din is-sena, hekk kif mal-€140 miljun se jibqgħu fil-bwiet tal-ħaddiema.
Dr Abela qal li qatt ma kien perfett, iżda jaf li kull meta kien hemm bżonn ħa l-passi kollha meħtieġa biex il-ħidma tal-Gvern tibqa’ miexja ‘l quddiem.
Sostna li ħaddieħor iktar moħħu li jagħmel gwerra qaddisa u l-politika tal-mibegħda għax moħħu biss biex ikisser lin-nies u jitfgħu lil dak u lill-ieħor il-ħabs.
Qal li l-linja l-ħamra nqabżet kompletament u saħaq li l-Gvern se jkun ta’ sostenn għal min huwa ta’ rieda tajba. Stqarr li l-ebda gideb u konġuri mhu se jitħallew għaddejja iktar.
Sostna li ħaddieħor jgħid li jemmen fis-saltna tad-dritt, bil-Prim Ministru jwissi li mhux se jippermetti li tintuża l-ġustizzja jew isir abbuż minn salvagwardji legali, jew inkella persuni innoċenti jgħaddu għalxejn minn snin twal quddiem il-Qrati.
“Aħna kollha magħkom. Jien magħkom. Mhux se nħallukom waħidkom. Attakk fuqkom hu attakk fuqna lkoll u se niddefendukom bis-saħħa mill-persekuzzjoni kontra tagħkom. Il-linja l-ħamra darba tinqabeż miegħi u issa nqabżet kompletament.”
Il-Prim Ministru Robert Abela