Fadal biss l-aħħar sitt stati x’jiġu ddikjarati sabiex ikun magħruf min ser jokkupa l-ogħla kariga fil-White House.
B’253 vot tal-Kulleġġ tal-Eletturi, Joe Biden jinsab fuq quddiem ta’ din it-tellieqa. Filwaqt li Donald Trump għandu 213-il vot tal-Kulleġġ tal-Eletturi.
Huwa mifhum illi jekk Biden jirbaħ l-istat ta’ Pennsylvania li jġorr miegħu 20 vot waħdu jew tnejn mill-istati; Arizona, Georgia, Nevada jew North Carolina jilħaq in-numru maġiku li jwasslu biex jikseb il-White House.
S’issa fl-istat ta’ Georgia hemm differenza ta’ 1,267 vot bejn Trump u Biden filwaqt li l-County ta’ Clayton qed jagħti prospetti tajbin għad-Demokratiċi.
Sal-bieraħ, f’Pennsylvania Trump kien b’vantaġġ ta’ 160,000 iżda issa għandu ftit aktar minn 18,000.
F’Nevada Joe Biden qed igawdi minn vantaġġ ta’ 11,438 vot filwaqt li f’Arizona qed igawdi minn vantaġġ ta’ 47,052 vot.
Intant f’diskors mill-White House, il-President Amerikan Donald Trump qiegħed jakkuża wkoll lid-Demokratiċi b’irregolaritajiet fil-votazzjoni dan għaliex għadu ma hemm l-ebda kandidat li kiseb il-270 vot mill-Kulleġġ Elettorali. Madanakollu ma ressaq l-ebda provi konkreti dwar dan.