“Kittieb ma jridx fama. Aktar ikun irid apprezzament.” Kien dan is-sentiment tal-kittieb Walid Nabhan wara li nstabet soluzzjoni biex ma jħallix pajjiżna minħabba ċirkostanzi personali li ma kellux kontroll fuqhom.
Fil-fatt, il-Kunsill Malti għall-Arti taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Arti, Wirt Nazzjonali u l-Gvern Lokali, immexxi minn Owen Bonnici, issa se jkun qed jagħti xogħol lil Nabhan fit-taqsima tal-internazzjonalizzazzjoni biex jiffaċilita rappreżentanzi kulturali ma’ pajjiżi Għarab.
Xogħol li diġà kien beda jagħmel fostna billi jippromwovi l-letteratura lokali lil hinn minn xtutna.
Dan wara li l-kittieb Malti ta’ nisel Ġordaniż ħabbar li kien qed jippjana li jħalli pajjiżna wara kważi 35 sena u jmur lura lejn il-Ġordan minħabba sitwazzjoni diffiċli li spiċċa fiha.
Proprju ftit jiem wara li tħabbar dan l-iżvilupp importanti kemm għal Nabhan u anke għal-lingwa Maltija, ONE News iltaqa’ mal-kittieb biex jieħu l-ewwel reazzjoni tiegħu.
“Kittieb ma jridx fama, aktar irid apprezzament u nħossni ferħan ħafna, jiġifieri li l-pajjiż apprezzani u ma ħallinix nitlaq.”
Quddiem din is-soluzzjoni, li issa se taċċerta li l-kittieb Malti ta’ nisel Ġordaniż se jibqa’ f’pajjiżna, Nabhan tenna li fadallu ħafna x’jagħti.
“Iva jiġifieri tajt milli nista’ lill-poplu Malti u baqagħli biex nagħti u għalhekk kont sejjer kontra qalbi, imma issa l-affarijiet issolvew u l-Kunsill Malti għall-Arti offrieli xogħol li hu fil-qasam tiegħi.”
ONE News ukoll tkellem mal-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Ilsien Malti Norma Saliba, li tenniet l-importanza tas-soluzzjoni li nstabet u spjegat ix-xogħol li se jkun qed jagħmel Walid Nabhan mil-lum ’il hemm.
“Walid se jkun qiegħed jittraduċi xogħlijiet letterarji biex imorru lil hinn minn xtutna u għaldaqstant dan jinkwadra fil-ħidma li qed jagħmel bħalissa ċ-Ċentru għall-Ilsien Malti.”
Saliba rrimarkat ukoll li, il-fatt li Walid Nabhan se jkun qed jibqa’ f’pajjiżna, dan jista’ jipprovdi opportunità għal aktar persuni, fosthom żgħażagħ biex jisimgħu l-esperjenzi tal-kittieb u jinvolvu ruħhom f’din il-linja.
“Nispera li Walid mhux biss jagħmel ix-xogħol hu, imma forsi jkun hemm opportunità li jaqsam l-esperjenza tiegħu ma’ żgħażagħ li jixtieq anke jidħlu f’din il-linja għax aħna l-importanza hi li nibqgħu nippriservaw il-lingwa tagħna, ara kemm ilha tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra u nixtieq li jiena nibqa’ nara l-Malti jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, permezz ta’ dan it-tip ta’ xogħol, li ħa jagħmel Walid.”