Ir-riforma dwar il-Qrati tad-Droga spiċċat ballun politiku mill-Oppożizzjoni u fact checker tat-Times hu l-aħħar xhieda minn sensiela ta’ dan.
“Misleading” hu l-verdett ċar u tond tat-Times of Malta għad-dikjarazzjonijiet ta’ dawk li qalu li, bir-riforma ta’ droga, 500 pillola ecstacy se jkunu meqjusa għal skop personali.
Dan il-verdett ħareġ l-għada li l-għaqda tas-soċjologi qalet li d-dibattiti għandhom jinżammu ’l bogħod mis-sensazzjonaliżmu u l-politika partiġġjana.
It-Times of Malta spjegat b’mod ċar li, kuntrarju għal li qal Grech, ir-riforma mhix marbuta mal-użu personali, iżda għandha x’taqsam mal-Qrati tad-Droga.
“Il-maġistrat jista’ jibqa’ jmexxi kontra l-persuna kriminalment,” qalet it-Times of Malta meta tkellmet dwar każi fejn il-Qorti temmen li l-azzjonijiet ma kinux marbutin mal-fatt li wieħed hu vittma tal-vizzju.
Fl-artiklu kien spjegat li, f’dan l-istadju, din hi biss konsultazzjoni pubblika u l-konsultazzjoni pubblika stess tgħid li “t-tibdil propost ma jippermettix żieda fil-pussess ta’ drogi”.
L-ammonti huma biss gwida għall-Qorti u għall-mistoqsija jekk xi ħadd li jinqabad b’inqas minn dawn l-ammonti jeħlishiex ħafif, it-tweġiba skjetta kienet ċara: “LE”.
Fl-aħħar jiem għaqdiet li jaħdmu fis-settur, bħas-Sedqa, il-Caritas u l-OASI taw reazzjonijiet inizjali, fejn kien hemm ukoll fejn esprimew ħsibijiet differenti.
Ħadd ma qal, bħall-Kap tal-Oppożizzjoni, li l-White Paper għandha tkun irtirata. Anzi ntqal li hemm punti li jeħtieġu diskussjoni serja, għax iġibu bidliet importanti.
Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Jonathan Attard spjegaw fid-dettall kif it-traffikant għandu dejjem jibqa’ meqjus ta’ traffikant u l-pieni saħansitra jlaħħqu l-għomor il-ħabs. Dwar kif għandhom ikunu stmati l-vittmi, l-istedina hi għall-pubbliku biex jieħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika.